Dalgħodu, il-Papa mexxa Quddiesa fis-Solennità ta’ Kristu Re f’Asti, segwita mit-talba tal-Angelus, fejn talab għat-tmiem tal-gwerra.

Illum, fl-aħħar jum ġewwa Asti, viċin il-kuġini tiegħu, il-Papa Franġisku talab għall-paċi fid-dinja. Huwa iddeskriva ż-żmien li qed ngħixu fih bħala wieħed li fih id-dinja hija għatxana għall-paċi.

Il-Papa ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jaħsbu f’diversi postijiet fid-dinja li huma mfarka mill-gwerra, b’attenzjoni partikolari għall-Ukrajna.

Huwa tenna wkoll, biex inżommu f’talbna lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fin-nar li ħakem kamp tar-refuġjati f’Gaza, il-Palestina. “Ejjew nagħtu lilna nfusna x’nagħmlu u nkomplu nitolbu għall-paċi!”.

Il-Papa tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ, u bagħatilhom l-imħabba tiegħu. Huwa nnota li t-tema ta’ din is-sena, hija l-istess bħal dik tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se ssir f’Lisbona, marbuta ma’ meta Marija, minkejja kollox, wettqet dak li Alla ried minnha.

Il-Papa saħaq li “Il-Madonna hekk għamlet meta kienet żgħira, u tgħidilna li s-sigriet biex tibqa’ żagħżugħa jinsab proprju f’dawk iż-żewġ verbi, li tqum u li tmur”.

Enfasizza li rridu nqumu u nagħtu sehemna, ma nibqgħux wieqfa naħsbu fuqna nfusna, naħlu ħajjitna u niġru wara l-kumditajiet, imma niċċaqilqu, inħallu warajna l-biżgħat tagħna stess biex nilqgħu b’idejna lil xi ħadd fil-bżonn.

Lejn l-aħħar il-Papa tenna li għandna bżonn żgħażagħ li jistgħu jbiddlu d-dinja, u jwettqu ħolm li fih jirrenja l-paċi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks