“Vera? Jien indunajt li ma tantx jagħtu kasu……għax xagħru dejjem imħabbel, mhux maqtugħ, ħwejġu kif ġie ġie……” bdiet tgħidilha Diane, iżda x-xwejħa waqqfitha.
“Bħalissa jinsab rikoverat l-isptar. Kien qiegħed hawn barra quddiem id-dar jokrob bl-uġigħ u missieru mank ħadu l-isptar. Ċempilt ambulanza jiena stess u ġew ħaduh. Diġà ilu ġimgħa hemm.”
Diane ħasset ix-xfar t’għajnejha jaħarquha bid-dmugħ. U hi ħasbitu qed jigdeb! U ħalliet lit-tfal l-oħra jaqbdu miegħu, jiddieħku bih! Ma kienet tagħmel xejn biex twaqqafhom! Povru tifel! U dan kollu meta ma kellu lil ħadd fuq min idur!
Bla ma rringrazzjatha, telqet tħaffef lejn il-karozza u bdiet issuq lejn l-isptar minnufih.
Ma tantx damet ma sabet il-kamra fejn kien hemm Christian fis-sodda, iħares fil-vojt lejn it-tieqa li kien hemm fil-kamra, mimli pajpijiet ħerġin minn idejh iċ-ċkejknin li kellu.
Diane daħlet fil-kamra u għal mument ħassitha kważi tistħi għaliex minħabba l-mod ta’ kif kien maħdum il-bieb, ma kinitx indunat li fil-kamra kien hemm raġel bilqiegħda jħares lejn Christian. Dan ir-raġel deher pulit, liebes l-abjad u kellu xagħru sabiħ qastni.
“Int….?” bdiet tistaqsih.
“Jiena missieru,” qalilha.
Dak il-ħin kellha aptit tagħmillu priedka fuq ix-xorb iżda ffukat aktar lejn Christian li beda jifraħ tgħidx kemm malli raha.
“Miss Curmi!” beda jgħajjat bil-ferħ. “Ġejt tarani?”
“Iva Christian,” qaltlu kważi tlaqlaq.
“Immissjajtek Miss Curmi!” qalilha.
“Kif inti?”
“Issa ħafna aħjar. Illum żaqqi xejn ma weġgħatni.” Għajnejh kienu qiegħdin iħarsu lejha, ileqqu.
“Mela daqt tiġi lura…..”
“Daqt jiġi lura magħna,” ħatafha missieru.
Diane reġgħet ħarset lejh. Kellu arja ta’ wieħed raġel twajjeb u dak il-ħin, Diane ħassitha kważi ċerta li x-xwejħa li kienet toqgħod qrib tagħhom kienet esaġerat sew fuqu.
“Miss Curmi, ferħan ħafna li ġejt tarani!” qalilha Christian. “Inħossni ftit waħdi……meta kelli erba’ snin, il-mamà ħallietna……”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks