Kienu ħafna li wara l-qtil makabru li seħħ ilbieraħ filgħodu, esprimew in-niket u l-ħsibijiet tagħhom fuq il-midja soċjali.

It-tbissima u l-imħabba u d-dedikazzjoni li Bernice Cassar kellha għal uliedha, kienu fiċ-ċentru ta’ ħafna mill-kummenti.

Fost diversi kitbiet, kien hemm dik tal-Professur Ġorġ Mallia, li f’kitba emozzjonanti, esprima s-sentimenti tiegħu dwar dan il-qtil li seraq lil omm minn uliedha.

Fil-kitba tiegħu, il-Professur Ġorġ Mallia, li kien il-lettur ta’ Bernice fl-Università bejn l-2002 u l-2005, jiddeskriviha bħala kwieta, bieżla u għaqlija.

Filwaqt li qal li miż-żmien tal-Università ‘l hawn ma ltaqgħux, żammew kuntatt permezz ta’ Facebook.

Rajtek ferħana ma’ familtek. Rajtek tgħannaq lil uliedek wara li wellidthom. Rajtek b’dik it-tbissima tipika tiegħek tixgħel lil wiċċek. Ħajtek mimlija b’dak li kien jhennik.

Huwa għamel ukoll referenza għal dawk li l-kummenti tagħhom kienu b’xi mod jew ieħor jagħtu indikazzjoni ta’ forma ta’ ġustifikazzjoni għal dan il-qtil, jew li wieħed għandu jistenna li jiġru dawn l-affarijiet għaliex jiġru f’pajjiżi oħra.

Iva, ħajtek. Dik li issa m’għadx għandek. Dik li ħadulek. Mhux se nagħmel hawn bħal dawk in-nies bla qalb li nistħi nsejħilhom Maltin li ppruvaw jiġġustifikaw il-qtil tiegħek (iva… HEMM wasalna!), u lanqas lil dawk li moħħhom mittieħed minn kliem sidhom, li insistew li la dawn l-affarijiet jiġru pajjiżi oħra, mela jistgħu jiġru Malta … dawk li nessewni x’tassew ifisser pajjiżi. Le … m’iniex se nagħmel bħal dawk. Se nibkik. Se nibki futurek li issa m’għadux għandek. Se nibki ‘l uliedek li mħabbithom issa se taqa’ fuq deżert għeri u li ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar. Se nibki għal niesek u dawk kollha li ħabbewk. U qed nirrabja wkoll. Għall-qirda ta’ ħajja fil-fjur tagħha. Għat-temma tat-tbissima tiegħek li nqatgħet bħal b’minġel kiefer minn fuq fommok.

Il-Professur Mallia kiteb li l-qtil qatt mhu ġustifikat u ma jista’ jkun qatt it-tmiem ta’ argument, għax hu biss tmiem, “tat-tama li kellek f’ħajtek li tgħix ferħana. Tiegħek,” żied jgħid.

Ilni nibkik minn dalgħodu, għax int ma jmissek qatt mitt. U nisħet lil dawk li b’għemilhom (jew nuqqas tiegħu) ġabu dan fuqek. Lanqas it-tpenġija li għamiltlek ma hi mirquma daqs dawk li nagħmel is-soltu. Għax ma flaħthiex il-pinna f’idi jiena u naħseb fik.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks