Din il-ġimgħa assistejna għal xalata ta’ futbol, b’erba’ logħbiet kuljum, fejn is-sorpriżi ma naqsux.
Fil-fatt il-Qatar, in-nazzjon ospitanti ta’ din it-Tazza tad-Dinja, sar l-ewwel pajjiz li ġie eliminat wara żewġ logħbiet, wara d-draw ta’ 1-1 bejn l-Ekwador u l-Olanda fi Grupp A.
Min-naħa l-oħra, it-tim ta’ Franza, li qiegħed fi Grupp D, hu l-ewwel wieħed li kkwalifika għall-aħħar 16, b’rebħa fuq l-Awstralja u d-Danimarka.
Il-biċċa l-kbira tat-timijiet għad għandhom żewġ logħbiet x’jilagħbu, u għalhekk irridu nistennew sa nhar il-Ġimgħa li ġej biex inkunu nafu s-16-il nazzjon li għaddew għall-fażi li jmiss.
Intant fost il-partiti mistennija tal-lejla, insibu l-partita kemxejn taħraq bejn żewġ pajjiżi Ewropej, Spanja kontra l-Ġermanja, fit-20:00.
