Diane poġġiet bilqiegħda ħdejh. Għajr presepju żgħir illi kien hemm fil-ġenb tal-kamra, din il-kamra kienet vojta. Vojta u nadifa tazza.
“Għidli dwar il-mamà,” qaltlu.
Christian qabdilha idha u ta’ tifel ċkejken li kien, beda jiftaħ qalbu magħha.
“Xagħarha kien sabiħ. U kellha riħa……kellha riħa tfuħ ħafna.”
Damet hemm ħdejh sa xħin ġew xi rġiel li jaħdmu fis-sigurtà tal-isptar, jgħidulha li kellha toħroġ.
L-għada reġgħet marret. Magħha, ħaditlu ktieb u qagħdu jaqrawh ma’ xulxin. Missieru reġa’ kien qiegħed hemm u tgħidx kemm ħadet gost titkellem miegħu. Għamlet il-ħsieb li terġa’ tmur.
F’kemm ilna ngħidu, Miss Diane Curmi bdiet iżżur liċ-ċkejken Christian kuljum. Kien ikollha seba’ mitt sena sa ma jasal il-ħin li tmur tarah għaliex bdiet tħoss li dan it-tifel kellu karattru uniku u kienet saret tħobbu mhux ftit!
Kien wasal lejlet il-Milied. Miss Diane daħlet fil-kamra ta’ Christian u ratu qiegħed hemm fl-istess pożizzjoni tas-soltu.
“Qalulkom jekk jinsabx aħjar?” staqsiet lil missieru, li kien ikun ta’ kuljum bilqiegħda fl-istess siġġu.
“Iva, illum stess qalulna…..” weġibha.
“Illum għandi rigal għalik, Miss Diane,” ħatafha t-tifel.
“U bħalek minn fejn ġibtu?” staqsietu.
“Mhux affarik…..” qalilha.
Daħku flimkien.
It-tifel taha rigal żgħir, imgeżwer f’karta strazza li kienu jgeżwru l-pirmli tal-isptar fihom. Diane ħadet ir-rigal u fetħitu. Ġo fih, sabet bott tal-fwieha xi ftit imsaddad. Donnha nħasdet għax ma stennietx li kien ser jagħtiha xi ħaġa hekk. Apparti li kien jidher qadim…..
“Miss Diane, jekk jogħġbok, agħmel ftit minnu,” qalilha t-tifel, b’għajnejh kbar, kbar iħares lejha bil-ħniena.
Diane daret tħares lejn missieru li għamlilha iva b’rasu.
Eżatt malli għamlet ftit fwieħa mill-bott, il-kamra mtliet riħa tfuħ, li Diane żgur qatt ma kienet xammet bħalha! L-anqas l-aqwa ditta ta’ fwieħa li kienet iżżomm hi mal-kollezzjoni tagħha ma kienet tibda ma’ din ir-riħa tfuħ!
“Din ir-riħa tal-mamà!” qalilha Christian jagħlaq għajnejh u jidher emozzjonat. Diane resqet lejh u bdiet tgħannqu, bid-dmugħ nieżel minn ma’ wiċċha. L-emozzjonijiet li ħasset dak il-ħin ma kienet ser tinsihom qatt.
Dik kellha tkun l-aħħar ġurnata li kellha tara liċ-ċkejken Christian.
L-għada xħin marret tarah bħas-soltu, sabet kamra vojta. Bdiet iddawwar rasha ‘l hawn u ‘l hemm iżda ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li Christian kien għadu hemm. Is-sodda tal-isptar kienet magħmula u għajr il-presepju, il-kamra kienet vojta.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks