Ftit tal-ħin ilu ntemmet velja għal Bernice Cassar organizzata fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta.

Diversi kienu l-kelliema li sellmu lil Bernice u qajmu kuxjenza dwar in-numru inkwetanti ta’ każijiet ta’ femiċidji u vjolenza domestika li ħakmu lil Malta f’dawn l-aħħar snin.

Fosthom kien hemm il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, Ira Losco, il-fundatur ta’ Men Against Violence Alexander Dimitrijevic u l-President tal-KSU Alex Gaglione.

“Il-qtil ta’ Bernice werwer lilna lkoll,” tenniet l-eks president Marie-Louise Coleiro Preca lil dawk preżenti. Hija sosniet li ma kinitx is-soċjetà li falliet ma’ Bernice iżda kienu s-sistemi mhux koordinati li fallew. “Huma l-istituzzjonijiet, li għandhom ikunu armati bir-riżorsi umani, li fallew. In-nies li kellhom jaraw li dawn l-affarijiet ma jseħħux, li fallew. Ma naslu imkien bil-liġijiet.”

Viżibilment emozzjonata, Ira Losco qalet “Ma nista’ ngħid xejn li jista’ jġib lura lil Bernice, jew lin-nisa l-oħra li ttieħdu mid-dinja kmieni wisq, li ħallew it-tfal u l-familja warajhom.”

Hija żiedet tgħid “Imma bħala mara żgur li nista’ nuża leħni u nista’ nitkellem. M’iniex se nibqa’ fuq il-kant biss, kif ħafna qaluli biex nagħmel. Se nitkellem, jekk dan jgħin biex aktar nisa jitkellmu, għax huma l-vuċijiet tagħna li jqajmu d-dinja u jbiddluha.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks