Din id-darba, il-paġna The People of Malta tkellmet mal-personalità Maltija, Jean Pierre Cassar.
Minbarra li kif ħafna jafu, Jean Pierre huwa attur, u wiċċ familjari sew ma’ dawk li huma attivi fuq Instagram, bħalissa Jean Pierre qed jaħdem il-Lussemburgu bħala qarrej tal-provi mal-Qorti tal-Unjoni Ewropea.
Issa ilni għal dawn l-aħħar tmien xhur. Kienet esperjenza li ġietni opportunita’ li nagħmilha u ħtaft l-okkażjoni. Jiena persuna li qatt ma ngħid li ħaġa qatt mhu se nagħmilha. Fil-fatt, qatt ma ħlomt li se nispiċċa naħdem barra minn Malta, iżda ta’ bniedem avventuruż, ħtaft l-opportunità.
Jean spjega kif għalkemm kienet xi ħaġa li xtaq jagħmel, kienet diffiċli għalih li jitlaq kollox u jmur jaħdem il-Lussemburgu.
Il-fatt li qiegħed f’relazzjoni ma kinitx faċli li nitlaq lis-sieħeb. Lejlet li se mmur nibda naħdem, kienet faqqgħet il-gwerra tar-Russja mal-Ukrajna u ngħid il-verità, bżajt u ħsibtha mmurx jew le. Kont fl-aħħar ftit li nippakkja l-bagalja. Kelli u għad għandi ċerta rbit u dan ma stajtx inwarrbu minn ħajti. Biss xtaqt li nieħu esperjenza għax naf li din mhux se tkun għal dejjem. S’issa, li nitlaq minn Malta għal dejjem ma nagħmilhiex, biss, l-esperjenza li qed naħdem u ngħix barra tgħinni biex jien nipprova nadatta ħwejjeġ tajba għal ħajti meta niġi lura Malta. Mil-Lussemburgu hemm ħafna x’titgħallem fosthom l-effiċjenza, l-indafa u d-dixxiplina.
Jean Pierre jemmen li għalkemm huwa tajjeb li jkollok direzzjoni f’ħajtek, huwa sabiħ li qatt ma tkun riġidu f’dak li tagħmel. “Fil-ħajja għandna nesperimentaw. Dak li jqajjimlek interess għandek tfittxu u tiskoprih. Għalija jkun ħela ħajtu min jinqafel f’rutina; jiġi bħal donnu ħajtu tieqaf hemm, marbuta mal-istess ħwejjeġ. Hemm wisq x’tiskopri u x’tesperjenza. Il-ħajja sabiħa wisq. Naqbel, li xi kultant, il-bniedem ikun mitluf f’esperjenzi u avventuri. Għax ħajjitna, wara kollox, hija avventura. Qatt m’għandek tistaġna fit-tajn li jwaħħlek u jaħlilek il-ħin.”
Il-ħbieb, il-familja, l-imħabba, id-daħk, il-mużika, is-safar u l-kumpanija mal-oħrajn hu dak li lili jimlieli ‘l qalbi u li nfittex.
Is-saħħa mentali huwa suġġett għal qalbu u ta’ importanza kbira għal Jean Pierre.
Huwa qal li l-agħar ħaġa li nagħmlu bħala persuni hija li nagħtu prijorità biss il-ġisem minn barra u ma nagħtux importanza lil moħħna għaliex huwa jemmen li daqskemm huwa importanti li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna minn barra, huwa daqstant importanti li nieħdu ħsieb lilna nfusna minn ġewwa.
Is-saħħa mentali rridu nieħdu ħsiebha. L-irġiel huma dawk li jeħtieġu jagħtu kas bis-serjeta’ tas-saħħa mentali tagħhom. Għax bħal donnu raġel jibża’ u jħossu dgħajjef jekk jitkellem minn dak li jkun għaddej. Is-saħħa mentali huwa suġġett għal qalbi. Għaddejt minn esperjenzi personali ta’ nies li huma qrib tiegħi li batew. Il-moħħ hu dak li jorkestra kollox fil-ħajja tagħna.
Ma setax jonqos li jitkellem dwar l-esperjenzi li kellu l-Filippini u l-Kenja, fejn stqarr li minnhom tgħallem kemm aħna l-bnedmin nistgħu ngħixu bix-xejn.
Il-volontarjat jogħġobni u li kieku nista’, nagħmel xi ħaġa kull sena, imma mhux daqshekk faċli minħabba l-impenji. Il-bilanċ fil-ħajja hu sabiħ. Kull ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna għandu jkun fiha bilanċ.
