Waqt l-omelija fil-quddiesa tal-ewwel Ħadd tal-Avvent, li saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Ħ’Attard, l-Arċisqof Charles Scicluna qal l-istennija tagħna biex niltaqgħu mal-Mulej trid tkun waħda ferrieħa imma trid tkun ukoll stennija li fiha nagħmlu d-dinja ftit aħjar.

Nibdew minna nfusna, mill-ambjenti ċkejknin: il-familja, l-ambjent tax-xogħol, is-soċjetà tagħna, id-dinja. Għax din bħal ċagħqa li tagħmel ċrieki konċentriċi, hekk ukoll dak kollu li tagħmel inti għandu effett fuqek innifsek, fuq ta’ madwarek mingħajr ma trid forsi, mingħajr ma taħseb.
L-Arċisqof Charles Scicluna

L-Arċisqof qal li Ġesù jgħallimna kemm hi prezzjuż l-ħajja u li dan għandu jħeġġiġna biex naraw li kull ġurnata f’ħajjitna tkun speċjali. Żied jgħid li mhux biss għandna “ngħixu ta’ nies” imma ngawdu ħajja li tant hi sabiħa li nixtiquha għal kulħadd.

Fl-aħħar tal-omelija, l-Arċisqof għamel appell lill-parlamentari dwar l-emendi fil-liġi li tippermetti terminazzjoni ta’ tqala f’każ li saħħet il-mara tkun fil-periklu. Huwa qal li dan jista’ jdaħħal l-abort f’pajjiżna.

Aħna nixtiequ li kull tarbija, ġiet kif ġiet fid-dinja, il-ħajja, għax il-ħajja sabiħa wisq, prezzjuża wisq. Min jien biex inċaħħad lill-kreatura li bdiet teżisti miċ-ċans li tgħix? Min jien jien? U naf li jkun hemm ċirkustanzi iebsa għal ħafna nisa, nixtieq insellmilhom u nitolbu ħafna għan-nisa li kultant isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.
L-Arċisqof Charles Scicluna

U l-liġi se tgħin meta tgħid li inti m’għandek tikkundanna lil ebda mara għall-mewt u tagħmel li hemm bżonn biex issalva l-ħajja tal-omm. Imma l-liġi tgħid iżjed minn hekk, jew almenu l-proposta tal-liġi tgħid li “għal kwistjonijiet ta’ saħħa”, mhux ta’ ħajja tal-omm, tas-saħħa tal-omm inti tista’ toqtol lit-tarbija. Għandek toqtol lil xi ħadd għax theddida għas-saħħa tiegħek, mhux għall-ħajja tiegħek, imma għas-saħħa tiegħek? L-appell li nagħmel hu appell umli b’rispett imma appell qawwi f’isem Alla. X’jiswa l-aħwa, li aħna nżejnu d-djar tagħna u ngħidu li se nagħmlu l-parties għall-Milied, x’se niċċelebraw? Niċċelebraw li daħħalna liġi li toqtol it-tfal fil-ġuf?
L-Arċisqof Charles Scicluna

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks