Illum, bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tar-raġel ta’ Bernice Cassar, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ martu, li seħħ fit-22 ta Novembru fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid.

Huwa wkoll l-ewwel raġel li qed jiġi mixli b’femiċidju.

Ir-raġel, ta’ 42 sena, wieġeb mhuwiex ħati għall-qtil ta’ martu u qed jinżamm fit-taqsima tal-isptar Monte Karmeli.

Skont rapport minn TVMNews, preżenti fl-awla kien hemm membri tal-familja tal-vittma kif ukoll tal-akkużat, fosthom ħuh. Il-qraba tal-akkużat intalbu joħorġu mill-awla minħabba li jistgħu jiġu mitluba li jixhdu fil-kawża.

Fost ix-xhieda, kien hemm spettur, li ddeskriva x-xena li ra malli mar fuq il-post tad-delitt. Fost dettalji oħra, huwa qal li ra l-bibien tan-naħa tax-xufier tal-karozza tal-vittma miftuħin bil-ħġieġ tal-bieba ta’ quddiem imkisser u ra lill-vittma wiċċha ‘l fuq, b’żewġ tiri, wieħed f’wiċċha u l-ieħor f’sidirha.

Intqal ukoll li l-kollegi tal-vittma indikaw lir-raġel tal-vittma bħala l-persuna li setgħet kellha x’taqsam ma’ dak li kien seħħ minħabba li hi kienet tgħidilhom li qed jagħmlilha ħajjitha diffiċli wara li telqitu.

Fir-rapport minn TVMNews intqal li xhieda fuq il-post tad-delitt qalu li raw raġel joħroġ minn karozza, jiftaħ il-bieba tal-karozza u jsawwat lill-mara, imbagħad ħareġ arma u sparalha 3 tiri.

L-ispettur qal li minn hemm mar fir-residenza tagħhom fil-Qrendi.

Qal ukoll li peress li kien armat, il-pulizija ppruvaw jinnegozjaw miegħu, u fil-bidu, l-akkużat qalilhom li xtaq jagħmel suwiċidju u talabhom biex jisparawlu.

Dettalji oħrajn li TVMNews irrapporta li ħarġu s’issa huma:

  • Mill-awtopsja li saret l-għada tad-delitt irriżulta li l-vittma nqatlet bit-tir f’wiċċha u mhux minn sidirha.
  • Meta l-allegat qattiel tpoġġa fost 9 persuni oħrajn li jixbħuh u mlibbsin simili, 4 minn 5 xhieda li ssejħu biex jidentifikawh għarfuh mill-ewwel u l-ieħor qal li ma kienx ċert.
  • L-allegat qattiel ġie interrogat darbtejn u għalkemm ma tantx tkellem qal li “ddispjaċieh għal dak li ġralha”.
  • Ma wera l-ebda reazzjoni meta l-pulizija wrewh ritratt ta’ wiċċ il-vittma bit-tir.

Is-seduta li jmiss mistennija tkun nhar id-19 ta’ Diċembru li ġej fl-10 ta’ filgħodu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks