Inaction is a Weapon of Mass Destruction huwa proġett tal-arti, bi pjan li jixħet dawl fuq kif il-proċessi tal-midja użati sabiex iferxu informazzjoni dwar il-gwerra u l-effetti tagħha fuq min qiegħed isegwi.

Ix-xogħol jirrifletti l-preokkupazzjoni tal-artist bil-bdil, editjar jew manipulazzjoni tal-informazzjoni li tasal għand in-nies li jinsabu ‘l barra miż-żona ta’ kunflitt. Il-perikli li jinħolqu minħabba informazzjoni ħażina mferxa mill-midja, huma serji. Dan għaliex joħolqu impatt qawwi fuq l-opinjoni pubblika fuq kwistjonijiet ta’ għajnuna umanitarja u interventi militari bbażati fuq gideb u nofs veritajiet.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jipprovoka lill-ispettaturi permezz ta’ numru ta’ xogħolijiet analitiċi, ironiċi u kultant anke permezz ta’ xogħol ċiniku bbażat fuq sitwazzjonijiet fattwali; stampi fittizzji u anke xogħol teoretiku. Esperti differenti mill-oqsma tal-ġurnaliżmu, films, arti, edukazzjoni u mix-xena militari qegħdin jikkontribwixxu ukoll f’dan il-proġett, permezz ta’ taħditiet u workshops.

Din il-wirja mill-artist Darren Tanti, u kurazzjoni ta’ Melanie Erixon, qed tittella’ ġewwa Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta u ġewwa l-Kamra ta’ Fuq, l-Imqabba, sal-4 ta’ Diċembru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks