Elena Huelva, tfajla ta’ 20 sena minn Spanja, marida b’tip ta’ kanċer rari, sellmet għall-aħħar darba lis-segwaċi tagħha b’filmat ta’ qsim il-qalb, fejn żvelat li s-sintomi tagħha marru għall-agħar u qed tingħata l-aħħar kura.

Kien fl-2016 meta Elena, ġiet iddijanjostikata b’tip ta’ kanċer tal-għadam imsejjaħ Ewing sarkoma. Minn hemm hija bdiet taqsam il-battalja tagħha mas-segwaċi tagħha fuq Instagram, biex twassal għarfien dwar din il-marda li ħakmitha.

Segwita minn aktar minn 615,000 persuna, hija saret simbolu ta’ reżiljenza filwaqt li kienet onesta u estroverta rigward il-ġlieda tagħha mal-kanċer fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar sitt snin.

Kien nhar il-Ħadd li għadda li hija ħalliet aġġornament ta’ qsim il-qalb fejn viżibilment emozzjonata sellmet lis-segwaċi tagħha wara li spjegat li l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb. Hija spjegat li l-kanċer infirex għall-pipe tan-nifs, u dan huwa perikoluż ħafna minħabba li minn hemm hekk niehdu in-nifs.

Hija tenniet li “jiġri x’jiġri, naf li ħajti ma kinitx għalxejn għax iġġelidt u ksibt dak li ridt, li nqajjem kuxjenza dwar il-marda.”

Sostniet li minkejja kollox, bl-imħabba u n-nies kollha li għandha meġenbha, tħossha li rebħet.

Hija għalqet il-filmat tagħha billi rringrazzjat lil kulħadd tal-affezzjoni li rceviet, filwaqt li fakkret li fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja hija dwar li tgħix u tagħmel il-memorji man-nies, “u miegħi se nieħu ħafna memorji sbieħ ma’ persuni mill-isbaħ.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks