Il-parlament tal-Indoneżja approva liġi ġdida fil-kodiċi kriminali li tipprojbixxi lin-nies fil-pajjiż milli jagħmlu s-sess barra ż-żwieġ.

Is-sess barra ż-żwieġ se jkollu sentenza ta’ ħabs li titla’ sa sena taħt il-liġijiet il-ġodda, li jidħlu fis-seħħ fi tliet snin.

Is-sensiela ta’ bidliet ġejjin wara żieda fil-konservattiżmu reliġjuż fil-pajjiż b’maġġoranza Musulmana.

Il-kritiċi qed jiddeskrivu dawn il-liġijiet bħala “diżastru” għad-drittijiet tal-bniedem, u daqqa ta’ ħarta potenzjali għat-turiżmu u l-investiment.

Diversi gruppi ta’ prinċipalment żgħażagħ ipprotestaw kontra l-leġiżlazzjoni barra l-parlament f’Jakarta din il-ġimgħa.

Huwa mistenni li l-liġijiet il-ġodda jiġu kkontestati fil-qorti.

Il-liġijiet ġodda japplikaw bl-istess mod għal nies tal-post u għal barranin li jgħixu fl-Indoneżja, jew li jżuru destinazzjonijiet tal-vaganzi bħal Bali. Skont il-liġijiet, koppji mhux miżżewġin li jinqabdu jagħmlu s-sess jistgħu jeħlu sa sena ħabs.

Huma pprojbiti wkoll milli jgħixu flimkien, att li għalih jista’ jkun hemm piena sa sitt xhur ħabs. L-adulterju se jkun ukoll reat li għalih in-nies jistgħu jintbagħtu l-ħabs.

It-Tlieta, il-parlament approva b’mod unanimu l-emendi ta’ aktar minn 600 artiklu.

Gruppi tad-drittijiet jgħidu li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-nisa, lin-nies LGBT u lill-minoranzi etniċi.

Ħafna negozji kienu wkoll opponew il-leġiżlazzjoni, u qalu li tiskoraġġixxi lill-viżitaturi u lill-investiment. Iżda l-leġiżlaturi ċċelebraw liġijiet ta’ reviżjoni li jmorru lura għall-ħakma kolonjali Olandiża.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida fiha għexieren ta’ klawsoli ġodda li jikkriminalizzaw l-immoralità u d-dagħa u jillimitaw l-espressjoni politika u reliġjuża.

Ir-riċerkatur tal-grupp ibbażat f’Jakarta, Andreas Harsano, qal li kien hemm miljuni ta’ koppji fl-Indoneżja mingħajr ċertifikati taż-żwieġ “speċjalment fost popli Indiġeni jew Musulmani f’żoni rurali” li kienu żżewġu f’ċerimonji reliġjużi speċifiċi.

Dan ifisser li dawn in-nies teoretikament se jkunu qed jiksru l-liġi peress li jekk koppja tgħix flimkien qabel iż-żwieġ tista’ tiġi kkastigata sa sitt xhur ħabs.

Hemm ukoll sitt liġijiet dwar id-dagħa fil-kodiċi, inkluża l-apostasija, ir-rinunzja tar-reliġjon. Għall-ewwel darba mill-indipendenza tagħha, l-Indoneżja se tagħmilha illegali li tipperswadi lil xi ħadd biex ma jkunx jemmen.

Artikli ġodda ta’ malafama wkoll jagħmluha illegali għan-nies li jinsultaw lill-president jew jikkritikaw l-ideoloġija tal-istat.

Madankollu l-leġiżlaturi qalu li b’dawn il-liġijiet żiedu difiżi għal-libertà tal-kelma u protesti li jsiru fl-“interess pubbliku”.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks