Ilbieraħ filgħaxija, ġiet imtella’ s-serata tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022, fejn ingħataw sitt premijiet, fosthom lil Patri Dijonisju Mintoff, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi.

Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Malta, George Vella, tkellem dwar kif “bħal xrar żgħar, dawk li jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat għandhom iċ-ċans li jkebbsu l-imħabba permezz ta’ azzjonijiet żgħar, iżda li jġibu bidla kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun.”

Hu sostna li l-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex is-soċjetà Maltija sserraħ. Huwa appella biex “insaħħu d-djalogu bejn inizjattivi altruwistiċi lokali u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ ebda riżorsi u kampanji li jaħdmu għall-istess għan.”

Fost il-kelliema, tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni, Benessri Soċjali u Organizzazzjonijiet Volontarji, Julia Farrugia Portelli.

Il-persuni li ngħataw premji huma:

Voluntier tas-Sena: Corinne Farrugia – RMJ Horse Rescue
Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena: Tatiana Muscat – Multiple Sclerosis Society Malta
Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena: RMJ Horse Rescue
Kumpanija li tassisti lis-Settur Volontarju: HSBC Malta p.l.c.
Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat: Matthew Farrugia – Home Away from Home
Premju Speċjali għall-ħidma volontarja minn individwu fil-komunità – Patri Dijonisju Mintoff – Laboratorju tal-Paċi

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks