Kelly Scerri De Carlo, sellmet il-memorja ta’ kuġinuha Jean Paul Sofia, permezz ta’ pittura li għamlet li turi x-xbieha perfetta tiegħu.

Jean Paul Sofia huwa ż-żagħżugħ ta’ 20 sena li ftit jiem ilu tilef ħajtu traġikament wara li ġġarrfet binja f’Kordin.

F’kitba, flimkien mar-ritratt tal-pittura li lestiet wara 12-il siegħa, u li tellgħet fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Kelly Scerri De Carlo, it-tifla tal-attur Fabian Scerri De Carlo, stqarret li kull sekonda waqt li bdiet tpinġi lill-kuġinuha, bdiet tfakkarha fil-memorji ta’ tfulithom.

Hija fakkret il-memorji li għandhom flimkien man-nanna tagħhom u z-zija ta’ Kelly, omm Jean Paul, kif ukoll il-praspar tat-tfulija.

B’qalbi maqsuma pinġejtek u b’qalbi maqsuma nsellimlek għall-aħħar darba. Ma kienx ħaqqek Jean, imma d-destin ħadd ma jbiddlu. Grazzi tal-memorji u issa sib postok ħdejn in-nanna u ħu ħsiebha għalina. Inħobbuk għal dejjem Jean.

Jean Paul Sofia ingħata l-aħħar tislima dalgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Preca, is-Swatar.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, inwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja, ħbieb u dawk kollha qrib.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks