Tiftakruha l-famuża “Thank you for all your help” minn tifel ċkejken u simpatiku fil-filmati tal-Istrina ta’ snin imgħoddija? Tiftakruh lil Henry?
Henry llum għandu 9 snin, u flimkien ma’ ommu Lorinda, ilbieraħ kien intervistat minn Keith Demicoli fuq il-programm TVAM.
Omm Henry, Lorinda, qalet li għalkemm għaddew minn ħafna tbatija, dak kollu li għaddew minnu wassalha biex tapprezza aktar affarijiet żgħar u sempliċi li ħafna drabi jittieħdu for granted.
Spjegat li meta tgħaddi minn perjodi diffiċli, tibda tapprezza anki affarijiet li normalment ingergru fuqhom.
Dawn l-aħħar sentejn, kienu ħafna aħjar mis-snin ta’ qabel għal Henry u l-familja tiegħu.
Fil-fatt, Henry qal li issa qed iħossu aktar jgħix il-ħajja ta’ tifel “normali”, minħabba li qabel kien iqatta’ ħafna ġranet rikoverat l-isptar hekk kif fakkar li għamel madwar 5 operazzjonijiet.
B’maturità u emozzjoni, Henry stqarr li ma jistax jesprimi biżżejjed kemm iħossu grat għal dak kollu li l-ġenituri għamlu matul is-snin u għadhom jagħmlu miegħu.
Missieri tani kilwa minn tiegħu, kieku m’għamilx hekk, m’iniex hawn illum.
L-akbar ħolm ta’ Henry huma li jmur jgħix Għawdex, għax jemmen li hemm bajjiet sbieħ u hemm aktar kwiet, u jixtieq ukoll li jiftaħ restorant u l-ewwel akkwarju hemmhekk.
Lorinda kif ukoll Henry esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-Community Chest Fund, li kienet magħhom sa mill-ewwel ġurnata li kellhom bżonn l-għajnuna u għadha hemm għalihom sal-lum.
L-Istrina, l-għada tal-Milied!
