F’għeluq is-sena mill-inċident traġiku li wassal għat-telfa ta’ wieħed mill-aktar persuni maħbuba f’pajjiżna, Dr. Victor Calvagna, bosta qed ifakkru l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali.

F’kitba li tellgħet flimkien ma’ ritratti ta’ missierha, Francesca Calvagna qalet li għalkemm il-ħajja tibqa’ miexja, il-ħajja mingħajru qatt ma reġgħet lura “għan-normal” għax il-vojt li ħalla warajh ma jistax jimtela.

Imma qed nippruvaw ngħixu kuljum kif għallimtna int. Hekk wegħdnik u hekk ħa nibqgħu nagħmlu. Sena ilu ħallejtna u twelidt mill-ġdid, u aħna hawn nibkuk però qalbna tinsab fil-paċi għax nafu kemm kont tassew bniedem sew u kemm ħallejt imħabba warajk. Il-preżenza tiegħek tibqa’ tinħass f’kull ma nagħmlu u l-eżempji tiegħek għallmuna u ħa jibqgħu jgħallmuna għal dejjem. Grazzi pa ta’ kollox. Nitlob li tinsab mistrieħ ħdejn il-Missier Ewlieni. Inħobbok pa u qatt ma nista’ ninsik.

Kmieni dalgħodu, il-mara tiegħu Carmen Calvagna qalet li iħossu n-nuqqas tal-preżenza tiegħu, iżda żammew il-memorja tiegħu ħajja.

Hija stqarret li għadhom jitkellmu miegħu, u l-affarijiet tiegħu għadhom mad-dar kollha.

Kif qatt nistgħu ninsew l-imħabba li tajtna.

Fl-aħħarnett talbitu jkompli jipproteġihom mill-ġenna. “Inħobbok għal dejjem,” temmet tgħid.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, insellmu l-memorja ta’ Dr. Calvagna.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks