Baqa’ ħames minuti qabel ma trid titfi l-cooker. Tgħid, għandek xi messsaġġ? It-telefon qiegħed isfel, mela tixgħel il-laptop…
Ixxomm l-istess riħa li kien ikun hemm hdejn l-artal fit-tempju f’Ġerusalemm. Il-brodu nixef qoxqox; l-istuffat sar faħma.
U int? Issa taf x’libset Pauline, x’qalet Nadya, fejn marret Lucienne, ma’ min kienet Lana, x’sajret Francine, u kemm hi kerha t-tarbija ta’ bint Rita. U b’daqshekk? Ma ggwadanjajt xejn, iżda tlift ħafna ħin, u żewg borom ikel.
Nixtieq infakkrek li forsi ma rajtx ir-ritratti li fihom tidher int, li tefa’ ħaddieħor, u ma tteggjawkx apposta, biex forsi ma tindunax… kif forsi għamilt int ukoll, b’ritratti li fihom jidher ħaddieħor xi naqra mhux sew.
Kemm naħlu ħin fuq il-midja soċjali, meta nkunu nistgħu qed nagħmlu xi ħaġa li tagħti kontribut siewi lis-soċjetà, jew ta’ valur, jew importanza.
Illum ma tantx issib min m’għandux kont f’tal-anqas sit soċjali wieħed. Nużawhom biex niffrankaw il-flus tat-telefonati, biex inżommu kuntatt mal-familja u ma’ sħabna, biex insibu x-xogħol jew min jaħdmilna, biex nixtru jew inbigħu… insomma, għandna skuża li jekk inqattgħu sigħat twal imkaħħlin ma’ skrin, ma nkunux qed naħlu l-ħin.
Eh… kieku tajjeb. Imma jibqa’ l-fatt li hawn min jehmeż il-perċezzjoni tiegħu dwaru nnifsu fuq kemm jagħtu każ tal-posts tiegħu n-nies. Jekk ma jkunx hemm rispons, jew għajnuna, jew tweġiba, malajr ibiddel il-burdata. U forsi tiġih it-tentazzjoni li jgħaddi xi kumment jew jitfa’ xi ritratt li forsi din id-darba jġib reazzjoni.
Meta tintuża għall-ġid, il-midja soċjali hija għodda sabiħa. Imma tinduna li saret vizzju u ossessjoni meta tkun xi mkien u ma tkunx tista’ taċċessaha, jew għax ma jkunx hemm internet, jew għax is-sitwazzjoni titlob li tkun moħħok hemm; u dan jinkludi meta tkun qiegħed titkellem ma’ xi ħadd, jew tiekol.
Indunajt li hemm tliet trends komuni. M’għandekx għalfejn tagħmilhom biex tħossok tajba, għad-detriment ta’ xi ħadd.
- Kemm jekk għandek it-tfal, kif ukoll jekk m’għandekx tfal, tgħidilniex li l-ħajja li għażilt int hija l-aħjar waħda. Ġib ritratti tal-familja kemm trid; ġib ritratti ta’ meta sifirt; ġib ritratti tad-dar lussuża, u l-ġojjelli, u t-tfal tat-tfal… u daqshekk.
- Jekk int qed tgħix, kif ngħidu bil-pulit, fit-tieni familja tiegħek, la tużax lit-tfal tal-ewwel għaqda bħala lixka, jew sawt, jew biex titkessaħ dwar kemm ‘issa’ il-ħajja tiegħek hi perfetta. Dawn affarijiet personali, u t-tfal mhumiex oġġetti. L-internet jibqa’ għal dejjem.
- Tiddiħaqx b’min hu rqiq, jew oħxon, jew ma jżommx ruħu. Biżżejjed li turina kemm int perfetta int, bla ma tqabbilhom miegħek.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista