L-artist Mark Borg, li għandu 35 sena, ħoloq skultura kinetika bil-filugranu, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, bit-tama li joffri perspettiva differenti ta’ kif jidher il-filugranu.

F’kuntatt li għamilna ma’ Mark, qalilna li ilu jipprattika l-filugranu sa mill-età tenera ta’ 13-il sena. Huwa tgħallem is-sengħa fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta.

Dejjem kont affaxinat bl-inġenji u l-magni mekkaniċi u ħdimt bħala mekkanik tal-ajruplani għal ammont ta’ snin. Il-filugranu dejjem kien passjoni tiegħi, u l-missjoni tiegħi hi li nagħti tama ġdida lil din l-arti li qed tmut bil-mod.
Mark Borg

Mark qalilna li xtaq li jieħu l-filugranu fuq livell ieħor u ried li jgħaqqad l-inġinerija, it-teknoloġija u l-filugranu f’biċċa arti li tiċċaqlaq u tkun ħajja.

L-ewwel skultura kinetika tiegħi kienet ornithopter żgħir, li nħadem fuq id-disinn ta’ Leonardo Da Vinci. Il-moviment kien fil-ġwienaħ meta jinxtegħel, b’mutur żgħir ġewwa l-bażi tal-injam kien iċaqlaq il-ġwienaħ. Ġie wkoll fit-tieni post fil-premju F’ġieħ l-Artiġjanat Malti.
Mark Borg

L-artist stqarr li l-aħħar ħolqien tiegħu huwa l-aktar proġett kumpless u ta’ sfida li qatt għamel. Il-proġett bl-isem ta’ Simple Harmonic Wave, jinvolvi stampar 3D, xogħol tal-injam, elettroniku, u filugranu, kollox maħdum minnu.

L-iskultura għandha 37 seba’, li għandhom bażi stampata 3D (stampata bi plastik bijodegradabbli) u huma mgħottija bil-fidda sterlina (bl-użu ta’ filugranu astratt). Kull seba’ għandu forma bil-ponta ta’ ħuta u l-wajer (rizzol) tal-filugran ta’ ġewwa huwa maħdum b’mod astratt b’tali mod li jixbaħ il-forma tal-qroll. Meta l-iskultura tinxtegħel, wieħed jista’ jgawdi l-moviment ġentili tal-iskultura, kull seba’ jiċċaqlaq bil-mod ‘il fuq u ‘l isfel f’sinfonija organizzata li tagħti dehra ta’ mewġ. L-għan tiegħi hu li noffri perspettiva oħra tal-filugranu; biex jintuża bħala mezz biex iwassal emozzjonijiet, anke permezz tal-moviment tiegħu. Il-ħidma ħaditli 6 xhur peress li kelli nibni diversi prototipi fil-kartun, l-injam u l-fidda. Dan il-proġett, għalkemm l-aktar wieħed ta’ sfida s’issa, tani sodisfazzjon kbir u jimlini bit-tama li l-ġenerazzjoni l-ġdida tapprezza aktar din l-arti tal-filigrana li qed tmut bil-mod.
Mark Borg

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks