Fl-ewwel kitba tiegħu minn mindu ġie skwalifikat mill-Malta Eurovision Song Contest, il-kantant Aidan Cassar, spjega li għalkemm jiddispjaċih, mhuwiex se jipproċedi legalment minħabba li dan ifisser li jkollu jwaqqaf il-festival milli jsir.

Reġina… Nixtieq nikteb ħafna, imma ma’ nafx minn fejn għandi nibda. Jiddispaċini għal li ġara iżda li nipproċedi legalment ifisser li jkolli inwaqqaf il-festival li tant inħobb milli jsir. Dan żġur li qatt ma kien fi ħsibijieti, speċjalment b’rispett lejn sħabi l-kantanti li bħali ħadmu ħafna biex jagħtu performance mill-aqwa fuq dak il-palk… u anke b’rispett lejn il-fans tal-Eurovision, bħali.. li ta’ minn 7 snin dejjem ħlomt li nitla’ nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision. Ħdimt, fuq li ħdimt, sa tlaqt mill-full time job tiegħi ftit ġimgħat ilu, biex nagħti kollox għal dil-ħolma li għandi.

Huwa rringrazzja lill-familja u l-ħbieb tiegħu, kif ukoll lil dawk kollha li matul il-ġimgħa li għaddiet sabhom ta’ spalla għalih u tawh is-sapport tagħhom.

Grazzi lit-tim, familja, ħbieb, kollegi u supporters tiegħi li f’din il-ġimgħa li għaddiet, sibthom ta’ spalla u kienu hemm għalija. Grazzi lil ommi, li fil-kanzunetta nsejħila Reġina. Naf li kburija bija, u jien kburi li għandi lilek. Grazzi lilek li qed taqra dal-messaġġ.

Fl-aħħar nett huwa awgura lill-kantanti li qed jipparteċipaw fil-Malta Eurovision Song Contest filwaqt li stqarr li qed iħares ‘il quddiem biex jaqsam aktar mużika mas-segwaċi tiegħu.

Nawgura lill-kantanti sħabi kollha li qed jipparteċipaw fil-festival. U nħares ‘il quddiem biex naqsam iżjed mużika u kanzunetti ġodda magħkom ma ndumx.

Id-dikjarazzjoni ta’ Aidan ġiet wara li nhar il-Ħamis li għadda, f’ittra mibgħuta mill-avukati tiegħu, ġie mitlub li tiġi sospiża l-iskwalifikazzjoni u ssir laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati. Fl-ittra kien hemm ukoll li lesti li jittieħdu azzjonijiet legali oħrajn jekk it-talba msemmija fl-ittra ma tinstemax.

Ftit sigħat wara, il-PBS ħareġ stqarrija fejn qal li d-deċiżjoni li ttieħdet hija finali.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks