Kull bidu fih it-tmiem, u lbieraħ wasal it-tmiem tas-sensiela tant segwita u maħbuba, Ulied il-Lejl.

Is-sensiela ta’ Ulied il-Lejl, ibbażata fuq il-kotba Suwed Ulied il-Lejl ta’ Charles Micallef St John, ħaditha fuq vjaġġ mimli emozzjonijiet waqt li segwejna l-istorja ta’ mħabba ta’ Ġorġa u Lippu, u l-konsegwenzi li kellhom jiffaċċjaw huma u dawk l-aktar qrib tagħhom.

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Chanelle Cardona, l-attriċi li interpretat il-karattru ta’ Ġorġa ddeskriviet l-esperjenza tagħha f’Ulied il-Lejl bħala waħda li biddlitilha ħajjitha.

Ma tistax tgħaddi din il-ġurnata mingħajr ma nħossni xi ftit emmozzjonata … it-tmiem tal-avventura li kellha tibdilli ħajti. Ġorġa tiegħi … nirringrazzjak talli tajtni l-ispazju nilbes iż-żarbun ta’ tfajla tant ferrieħa, kuraġġuża u b’saħħitha. Grazzi ta’ kemm tajt kuraġġ lili bħala Chanelle. Ġorġa ħabbet b’qalbha kollha lil Lippu u bis-saħħa ta’ Ġorġa ltqajt mal-akbar ħabib tiegħi, ma’ mħabbti Randell Pace.

Dan għaliex Chanelle u Randell bdew joħorġu flimkien proprju wara li saru jafu lil xulxin permezz ta’ Ulied il-Lejl. Mill-imħabba ta’ Ġorġa u Lippu nibtet relazzjoni bejn iż-żewġ atturi!

Hija rringrazzjat lill-maħbub tagħha Randell tas-sapport kbir li taha matul din l-avventura kollha u ta’ kemm għenha toħroġ il-potenzjal kollu tagħha.

Chanelle rringrazzjat ukoll b’mod speċjali lid-direttur tas-serje Charles Stroud.

Nirrispettak u nammirak għal dejjem għażiż u grazzi tat-tagħlim kollu tiegħek, kemm f’din l-industrija kif ukoll parir fuq il-ħajja.

Hija rringrazzjat ukoll lil Mariaelena Tanti Gregoraci u Tania Bartolo li flimkien ma’ Charles emmnu fiha.

Fl-aħħar nett, Chanelle rringrazzjat lil sħabha l-atturi u lil crew, kif ukoll lit-telespettaturi.

Grazzi u proset tmur lil sħabi l-cast u l crew; magħkom iffurmajt ħbiberija li ħa nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha. Bħall-familja Bugeja, sirna aħna wkoll familja. L-aħħar grazzi tmur għalikom it-telespettaturi … Ulied il-Lejl ma kien ikun xejn mingħajr l-imħabba u s-sapport tagħkom. Inħobbkom kollha u minn qalbi, Grazzi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks