Kulħadd għandu dritt li jsib l-għajnuna meta jiddeċiedi li jrid ibiddel l-istil ta’ ħajja tiegħu, jew jieħu ħsieb aktar tiegħu nnifsu.

Kartieri Boxing Club joffri din l-għajnuna permezz ta’ sessjonijiet b’xejn tal-boxing u fitness.

Kurt Muscat, li l-boxing huwa parti kbira minn ħajtu u li jmexxi dan il-klabb, beda din l-inizjattiva mill-isbaħ għaliex ried li dak li tgħallem hu jaqsmu ma’ ħaddieħor u jagħmel differenza.

L-għan tiegħu huwa li permezz ta’ dawn is-sessjonijiet jgħin partikolarment lit-tfal u ż-żgħażagħ u jżommhom ‘il bogħod minn vizzji ħżiena li bihom jistgħu jipperikolaw ħajjithom.

F’dan il-klabb jattendu diversi persuni li jkollhom mhux biss xi kundizzjonijiet fiżiċi iżda anki psikoloġiċi. Mhux biss tfal u żgħażagħ imma anki adulti.

F’kuntatt li għamilna ma’ Kurt qalilna li x-xewqa tiegħu hija li jsibu aktar negozji li jagħtu l-għajnuna tagħhom lil dan il-klabb biex b’hekk ikunu jistgħu jagħtu aktar għajnuna lil ħafna nies oħrajn.

Żied jgħid li jixtieq li jkun hawn aktar nies li jagħtu ftit mill-ħin tagħhom lill-komunità u joħolqu inizjattivi bħal dawn. “Inżommu lit-tfal tagħna f’saħħithom u sportivi u fl-istess ħin inżommuhom ‘il bogħod mill-vizzji ħżiena li hawn madwarna.”

Kull min jixtieq jattendi jista’ jagħmel kuntatt mal-Kartieri Boxing Club minn hawn.

skoperta.net iħeġġeġ aktar individwi jintroduċu inizjattivi bħal dawn li ċertament jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ ħafna nies.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks