Illum, il-31 ta’ Jannar, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-qaddis Don Bosco, li huwa l-patrun tal-edituri, il-pubblikaturi, iż-żgħażagħ, l-apprendisti u l-magicians.

San Giovanni Melchior Bosco, jew kif nafuh aħjar aħna bħala Don Bosco, twieled nhar is-16 ta’ Awwissu, 1815, ġewwa Becchi, viċin Turin, f’Piemonte. Bosco twieled waqt nixfa u ġuħ kbir, fi żmien ta’ rikostruzzjoni, wara t-tmiem tal-Gwerer Napoleoniċi.

It-trobbija tiegħu ma kinitx waħda faċli, minħabba li tilef lil missieru meta huwa kellu biss sentejn. Fil-fatt ommu, Margherita Occhiena (li fl-2006 ġiet iddikjarata Venerabbli mill-Knisja), kellha trabi lilu u lil żewġ ħutu oħra subien weħedha. Kienu jgħixu fil-faqar, fejn l-għajxien tagħhom kien jiddependi mill-biedja u mill-annimali.

Meta kien żagħżugħ, kien baqa’ impressjonat b’wirja min-nies taċ-ċirku, tant li beda jgħallem lilu nnifsu l-maġija u l-akrobazija. Kien minn hemm li beda jiġbor gruppi ta’ tfal oħra għall-wirjiet żgħar tiegħu u fl-aħħar kien jirreċta l-omelija li jkun sema’ f’dik il-ġurnata stess, talb, jew innijiet.

Eventwalment, kien Guzeppe Cafasso, (aktar tard sar qaddis), li ħadu taħt il-kura tiegħu u għenu biex ikompli l-edukazzjoni tiegħu fis-seminarju u għallmu dwar l-ispiritwalità ta’ San Franġisk ta’ Sales.

Bosco ġie ordnat saċerdot fl-1841, f’Turin u, influwenzat minn Cafasso, beda jaħdem biex itaffi l-qagħda tat-tfal subien foqra u traskurati li ġew ifittxu impjieg fil-belt. Waqt li kien jaħdem f’bini misluf, Bosco ipprovda lis-subien edukazzjoni, istruzzjoni reliġjuża, u rikreazzjoni.

Aktar tard mexxa fi stabbiliment ikbar, li kien fih skola tal-grammatika, skola tat-teknika, u knisja; kollha mibnija bl-isforzi tiegħu. Huwa kiseb ukoll reputazzjoni lokali bħala predikatur popolari u kien magħruf li juża l-maġija biex jiġbed l-attenzjoni tal-folla.

Fl-1859, f’Turin hu, flimkien ma’ 22 oħra, waqqfu s-Soċjetà ta’ San Franġisk de Sales (magħrufa wkoll bħala s-Salesjani ta’ Don Bosco). Qabel ma miet din is-Soċjetà nfirxet fl-Ingilterra, Franza, Spanja u l-Amerika t’Isfel.

Fl-1872, flimkien ma’ Santa Marija Mazzarello waqqaf l-Ulied il-Madonna Għajnuna tal-Insara (Sorijiet Salesjani ta’ Don Bosco), kongregazzjoni ta’ sorijiet iddedikati għal xogħol simili fost il-bniet.

F’Malta, is-Salesjani joperaw f’firxa wiesgħa ta’ ambjenti, li jipprovdu esperjenza edukattiva u pastorali f’numru ta’ djar residenzjali, skejjel, knejjes u ċentri taż-żgħażagħ.

Inħeġġukom biex tiftakru dejjem f’dak li pprietka Don Bosco – ‘Servite Domino in laetitia!’ (Aqdi lill-Mulej bil-ferħ!)

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks