Aġġornament:

Huwa mifhum li l-inċident li seħħ ilbieraħ, li ħalla edukatur b’idu miksura, seħħ fir-Resource Centre ta’ Sannat, u li l-istudent involut għandu diffikultajiet partikolari.

Skont rapport minn TVMNews, l-istudent għandu 16-il sena, u l-edukatur huwa l-Assistent Kap tal-iskola.

Aktar kmieni llum l-MUT ltaqgħet b’urġenza mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jiġi diskuss il-każ.

Il-laqgħa saret bejn uffiċjali tal-MUT, il-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Segretarju Permanenti u uffiċjali oħra tal-Ministeru.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-Ministeru informa lill-MUT li qiegħed iwaqqaf kumitat biex jistabilixxi l-fatti b’rabta ta’ dan il-każ. L-MUT insistiet li l-Ministeru jagħti s-sapport kollu lill-edukatur li safa’ vittma ta’ dan il-każ, u kif ukoll lill-edukaturi kollha fl-iskola.

L-MUT pproponiet li jitwaqqaf review board sabiex janalizza s-sitwazzjonijiet diffiċli li qed jaffaċċjaw l-edukaturi fiċ-ċentri tar-riżorsi kollha.

“Dan għandu jwassal għal rakkomandazzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Il-Ministeru aċċetta din it-talba u l-bord se jkollu wkoll rappreżentant mill-MUT,” żiedet tgħid l-istqarrija.

L-MUT qalet li se tibqa’ ssegwi u tagħti s-sapport tagħha fejn hemm bżonn.

Aktar kmieni:

Ilbieraħ 31 ta’ Jannar, edukatur spiċċa b’idu miksura wara li ġie aggredit minn student fi skola f’Għawdex.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-edukatur safa aggredit minn student u b’konsegwenza t’hekk ġarrab ksur f’idu li, qalet, li jista’ jwassal għal diżabilità permanenti.

L-MUT qalet ukoll li l-union qiegħda f’kuntatt mal-edukatur ikkonċernat, mal-iskola, u qed tattendi laqgħa mal-Ministeru, li ntalbet b’urġenza mill-union, sabiex tiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-każ ġie rrapurtat ukoll, u qiegħed jiġi segwit, mill-Pulizija.

Filwaqt li kkundannat bla riservi kull każ ta’ aggressjoni, l-MUT qalet li se tkompli tirraporta, issegwi każijiet ta’ aggressjoni fuq edukaturi u tagħti sapport lill-edukaturi li jiġu bżonn l-għajnuna.

Saħqet ukoll sabiex ikun hemm struttura ta’ sapport adegwat fl-iskejjel sabiex dawn il-każijiet ma jseħħux.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks