Permezz tal-kampanja Inti tista’ ssalvani, il-Life Network Foundation Malta, wasslet l-istorja tal-preżentatriċi u kantanta, Stephanie Chircop.

F’filmat imtella’ mil-Life Network Foundation Malta, Stephanie qasmet l-esperjenza tagħha dwar meta inqabdet tqila b’tarbija li ma kinitx ippjanata.

Stephanie tibda billi tgħid li din hija parti minn ħajjitha li ma tista’ tinsa qatt.

Kellha biss 17-il sena, meta Stephanie kienet iċ-champion ta’ Malta tal-Youths tal-Latin American u l-Ballroom dancing u kienet qed tipprepara għal esperjenza oħra f’dan il-qasam. Fil-fatt, tirrakkonta li kienet għadha kif ibbukkjat tliet ġimgħat biex titla’ titħarreġ għand l-għalliema tagħha li kienet Belġjana, u wara kienet se tibqa’ sejra tipparteċipa f’kompetizzjoni l-Ġermanja.

Xahar qabel ma għalqet 18-il sena, ittardjala l-period u għalkemm it-test irriżulta fin-negattiv, marret tagħmel ultrasound, li minnu rriżulta li fil-fatt kienet tqila.

“Ħarbatna l-pjaniiet kollha, kelli nħassar il-vjaġġ kollu, it-training. F’Ottubru ta’ dik is-sena kelli għall-ewwel darba ċ-championship tal-adulti peress li kont ħa nagħlaq 18-il sena u kont ħa nikkompeti… u sfaxxa kollox,” tirrakkonta Stephanie.

Stephanie tgħid li meta marret tgħid lill-għalliema tagħha qaltilha biex taħsibha sew u ssuġġeritilha biex tagħmel abort. “Il-kelma eżatt li użat kienet ‘ħa tfotti ħajtek, tista’ tinsa ż-żfin,’ qaltli ‘b’tarbija fid-dinja ħa jkollok tinsa lilek nnifsek'”

Dak il-ħin, Stephanie tgħid li waqgħet fil-muta, għaliex il-mod ta’ kif kellmitha ħallietha bla kliem. Filwaqt li rrimarkat li ta’ età żgħira faċilment tista’ tiġi influwenzata, qalet li kif marret tgħid lil ommha b’dak li qaltilha l-għalliema, kellha fehma totalment opposta minn dik tal-għalliema.

Minkejja s-sagrifiċċji li kellha quddiemha, l-għażla għal Stephanie kienet waħda ċara. Fil-fatt iddeċidiet li tikkanċella kollox u tagħmilha s-sena ta wara. “Iddeċidejt li nagħmel tqala infaddal il-flus biex imbagħad is-sena ta’ wara nerġa’ nkompli fejn ħallejt, u veru kont determinata, għedt jien ħadd u xejn mhu ħa jwaqqafni!”

U hekk għamlet!

F’Marzu, Stephanie kellha l-ewwel tarbija, Nicole, li llum il-ġurnata għandha 24 sena.

Viżibalment emozzjonata, Stephanie tistqarr li allaħares ġara xi ħaġa u tilfet it-tarbija għax illum il-ġurnata għandha għożża kbira biha.

Wara li f’Marzu kellha t-tarbija u kienet tellgħet 60 kilo, Stephanie tirrakkonta kif sa Ottubru ta’ dik is-sena rnexxielha tonqos u tidħol f’dik il-kompetizzjoni li kellha tidħol għaliha s-sena ta’ qabel, u rnexxielha tirbaħha! “Bit-tifla miegħi fuq id-dance floor,” tgħid Stephanie bi tbissima u espressjoni ta’ sodisfazzjon.

Għidli inti jekk jistax ikollok storja ta’ suċċess aktar minn hekk. Jekk nistax inwassal messaġġ aħjar minn hekk. Bl-imħabba jsir kollox. Tarbija m’għandhiex għalfejn tbiddillek ħajtek għal agħar, jekk niġu f’dan, tbiddillek ħajtek għall-aħjar.

Stephanie tispjega wkoll għaliex tinsab irrabjata dwar l-emenda li tressqet dwar it-terminazzjoni tat-tqala.

Vilment jitmejlu bin-nies f’wiċċhom, inħoss it-toqol tan-nies u r-rabja tan-nies għal dawk li qed jaħsbu li kif inhi l-liġi bħalissa, il-mara qatt ma ħadu ħsiebha, mentri jekk tara l-istatistika, it-tobba dejjem ħadu ħsiebha lill- mara, dejjem għamlu xogħolhom, qatt ma mietet mara waħda. F’dawn l-aħħar għaxar snin, twieldu 40 elf tarbija kif sippost. Jiena, fit-tlett itfal tiegħi, il-blue card tiegħi kienet dejjem bi stilla ħamra għax peress li ma kien fini xejn dejjem beżgħu li ħa jiġrili xi ħaġa, fit-tlieta li huma. Filfatt bdewni huma qabel għax bdew jibżaw. Dejjem ħadu ħsiebi, qatt ma kelli problema. Allura din l-emenda qiegħda hemm bi skop. Din mhi xejn ħlief tieqa biex jidħol l-abbuż, biex isir l-abort, għalxejn aktar.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks