F’eżerċizzju etnografigu, l-artisti Mark Mallia u Etienne Farrell innutaw karatteristiċi li jsawru lis-soċjetà tagħna, u mmortalizzawhom fl-arti.
Is-suppervi, dawk ta’ wiċċ b’ieħor, ta’ qalb tajba, l-egoisti, it-tosti, iz-zekzieka, it-tantaturi, l-antipatki, il-kwieti u l-fanfaruni, il-misterjużi, dawk ta’ waħedhom u dawk li jħobbu jċarrtu ħalqhom u li waħedhom jimlew kamra, huma wħud mill-karattri li jinsabu f’din il-wirja.

Ispirati minn Diane Arbus, Marilyn Manson u Lewis Carroll fost oħrajn, l-artisti ħolqu l-karattri tagħhom ibbażati fuq karatteristiċi li nnutaw f’nies li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, il-ħajja u n-nies li jsawruha dehret b’mod artistiku, bħala ċirku jew ktieb tal-ħrejjef. Dawk li jżuru l-wirja u jħarsu sew, kapaċi jinnutaw nies li jafu, jew lilhom infushom qalb il-karattri mpinġija, imnaqqxa jew maħluqa fit-tafal.

F’dan l-eżerċizzju, li qed ixebbħu bħal meta tħares ġo mera u tinnota d-difetti tiegħek, l-artisti qed jistiednu lil dawk li jżuru l-wirja biex f’eżami personali, jaraw jekk jistgħux itejbu l-imġiba tagħhom.
Il-wirja nfetħet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar, bil-parteċipazzjoni artistika ta’ Hayden Grima, li wkoll inbidel f’karattru għas-serata tal-ftuħ.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt l-4 ta’ Frar, fil-gallerija Obelisk 234, Main Street, Ħal Balzan.

Għal aktar tagħrif żuru l-paġna ta’ Facebook: MALLIA-FARRELL
