F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook, it-Teatru Manoel ikkjarifika li John Suda mhu involut bl-ebda mod fil-koproduzzjoni li se tittella’, Boeing Boeing – Moħħok Hemm Għax Dieħel…. l-Ajruplan.
Qal ukoll li l-iskript tal-istess koproduzzjoni, oriġinarjament inkiteb mid-drammaturgu Franċiż Marc Camoletti u tradott għall-Ingliż minn Beverly Cross, u ġie adattat u tradott għall-Malti minn Mario Micallef u John Suda 30 sena ilu.
Għaldaqstant, it-Teatru Manoel ikkonferma li minn dakinhar, John Suda ma kellu l-ebda involviment mal-iskript, mhuwiex involut fil-koproduzzjoni u lanqas se jirċievi xi tip ta’ kumpens minn Teatru Manoel jew Talenti.
Din l-istqarrija saret b’referenza għall-kontroversja li nqalgħet wara li l-attriċi Mandy Randon, li ġiet attakkata sesswalment minn John Suda, ikkritikat lit-Teatru Manoel għad-deċiżjoni li ssir din il-koproduzzjoni.
F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, l-attriċi kitbet li għaddew 7 snin u “għadu ħadd ma jifhem, xorta n-nies għadhom jiskużawh, xorta n-nies għadhom jissapportjawh. 7 snin wara u għadni nbati mill-marki, ġismi għadu jiffriża u fl-istess waqt jirtgħod meta nara ismu.”
