Kelb Portugiż ta’ 30 sena kiser ir-rekord u sar l-ixjeħ kelb li qatt għex fid-dinja. Skont il-Guinness World Records, il-kelb bl-isem ta’ Bobi, kiser rekord li dam seklu.
Bobi huwa ta’ razza pura bl-isem ta’ Rafeiro do Alentejo, razza li għandha medja ta’ għomor ta’ 12 sa 14-il sena.
L-ixjeħ kelb ta’ qabel kien Bluey tal-Awstralja, li miet fl-1939 fl-età ta’ 29 sena u ħames xhur.
Bobi, twieled fil-11 ta’ Mejju tal-1992, u jingħad li għalkemm għandu diffikultajiet biex jimxi u l-vista sejra lura, jinsab fi stat tajjeb għall-età tiegħu.
L-età tiegħu ġiet ivvalidata mid-database tal-pets tal-gvern Portugiż, li tieħu ħsiebha l-Unjoni Nazzjonali tal-Veterinarji, skont il-Guinness World Records.
Huwa għex ħajtu kollha mal-familja Costa fir-raħal ta’ Conqueiros, qrib il-kosta tal-punent tal-Portugall, wara li twieled ma’ tliet aħwa f’binja.
Leonel Costa, li dak iż-żmien kellu tmien snin, qal li l-ġenituri tiegħu kellhom wisq annimali u kellhom iraqqdu l-ġriewi l-oħra, iżda Bobi ħarab.
Leonel u ħutu żammew l-eżistenza tal-kelb mistura mill-ġenituri tagħhom sakemm eventwalment ġie skopert u sar parti mill-familja.
Costa qal li l-kelb jiekol l-istess ikel li jieklu huma, iżda qabel jitfgħu l-ikel fl-ilma biex jitneħħew ħafna mill-ħwawar li jkollu. “Bejn bott ikel tal-annimali jew biċċa laħam, Bobi ma jaħsibhiex darbtejn u jagħżel l-ikel tagħna.”
Minbarra li fl-2018 ddaħħal l-isptar wara li kien waqa’ minħabba diffikultà biex jieħu n-nifs, Costa qal li Bobi gawda ħajja relattivament mingħajr problemi u jemmen li s-sigriet huwa l-“ambjent kalm u paċifiku” li jjgħix fih.
It-titlu ta’ Bobi bħala l-ixjeħ kelb li qatt għex fid-dinja ġie ġimagħtejn biss wara li l-Guinness World Records semmiet kelb ieħor, Chihuahua, bl-isem ta’ Spike bħala l-ixjeħ kelb li għadu ħaj, li għandu 23 sena.
Minn dakinhar, ir-rekords ġew aġġornati mill-Guinness World Records, u tħabbar li Bobi huwa l-ixjeħ kelb li għadu ħaj, kif ukoll l-ixjeħ kelb li qatt għex.
