Ftit sigħat wara l-aħħar kwartifinali tal-Malta Eurovision Song Contest, fejn ġew magħżula l-24 semifinalista, il-kantanta Jessika tkellmet dwar id-deċiżjoni li ħadet.
Jessika, li kienet qed tipparteċipa bil-kanzunetta Unapologetic, m’għaddietx għall-fażi li jmiss.
F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-kantanta qalet li għalkemm hija persuna li tiġġieled għal dak li hija passjonata dwaru, kultant ikun jeħtieġ li titgħallem issib il-kuraġġ biex tħalli affarijiet li jkunu lil hinn mill-kontroll tiegħek. “Il-kuraġġ li twarrab b’dinjità,” tgħid Jessika.
Sostniet li titgħallem tagħmel dan ma jfissirx li tkun qtajt qalbek imma riżultat ta’ għerf, maturità u rispett lejk innifsek li jkunu sawwru fik is-snin u l-esperjenzi.
“Bi tbissima fuq wiċċi u b’rasi mgħollija se jkolli noqgħod pass lura u nieħu pawża fuq ħolma li ħdimt ħafna għaliha f’dawn l-aħħar snin. Ħadd ma jista’ jgħid li ma nħobbx lil Malta tiegħi. Is-segwaċi li kienu dejjem miegħi, jafu x’tajt biex inkun fuq dak il-palk bil-bandiera tiegħi,” stqarret Jessika.
Filwaqt li qalet li ma tneħħi xejn mill-artisti ta’ talent li qed jipparteċipaw fil-MESC, żiedet tgħid li tixtiqilhom l-aħjar mhux biss fil-MESC imma dejjem.
Jessika kompliet tgħid li se tfittex modi u mezzi oħra biex taqsam il-mużika tagħha mal-pubbliku.
Fl-aħħar nett hija rringrazzjat lin-nies li kienu l-qawwa tagħha. “Nittama li tkomplu tisimgħu u taqsmu l-mużika tiegħi.”
