Il-ħidma ta’ salvataġġ qed tieħu aktar ħin milli mixtieq hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ qed jikkumbattu ma’ kesħa u xita qawwija u borra hekk kif qed jagħmlu l-almu tagħhom biex isalvaw kemm jista’ jkun vittmi ta’ terremot devastanti fix-Xlokk tat-Turkija.
It-temperaturi mistennija jkomplu jinżlu aktar matul din il-ġimgħa.
Sal-lum li ġie ppubblikat dan l-artiklu, ġew irreġistrati aktar minn 5,000 persuna mejta u 15,000 midruba fit-Turkija u fuq il-fruntiera fis-Sirja wara li seħħ it-terremot fis-sigħat bikrin tat-Tnejn.
Theżżiżiet qawwija oħra laqtu lit-Turkija matul il-lejl.
Theżżiża b’qawwa ta’ 5.4 laqtet in-naħa tal-Lvant tal-pajjiż kmieni dalgħodu, skont l-Istudju Ġeoloġiku tal-Istati Uniti. Nofsiegħa biss qabel, ġiet irreġistrata aftershock ta’ 4.5.
Kien hemm mill-inqas 14-il terremot kbir fir-reġjun minn nofsillejl u madwar 285 aftershock.
Iż-żoni milquta huma mimlija nies li tilfu djarhom u mbeżża’ minn theżżiżiet oħra li jistgħu jinħassu.
Pajjiżi madwar id-dinja qed jibagħtu timijiet speċjalizzati, klieb u tagħmir biex jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ.
Iżda t-terremot ikkawża ħsara kbira lil tliet ajruporti madwar it-Turkija, u ħoloq ukoll sfidi għall-konsenji tal-għajnuna.
Wara appell internazzjonali għall-għajnuna, il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan qal li 45 pajjiż offrew appoġġ.
L-Unjoni Ewropea qed tibgħat timijiet ta’ tfittix u salvataġġ fit-Turkija, filwaqt li timijiet oħra ta’ ħaddiema ta’ salvataġġ mill-Olanda u r-Rumanija diġà jinsabu fi triqithom. Ir-Renju Unit qal li se jibgħat 76 speċjalista, tagħmir u kelb ta’ salvataġġ.
Franza, il-Ġermanja, l-Iżrael, l-Istati Uniti u l-Iran wiegħdu wkoll li jgħinu. Il-President Russu Vladimir Putin offra għajnuna kemm lit-Turkija kif ukoll lis-Sirja.
