Meta tiġri xi ħaġa ħażina u kerha madwarna, l-ewwel reazzjoni tagħna ħafna drabi tkun li nippruvaw nifhmu kif u għaliex ġrat.
Nistaqsu ċerti domandi u nkunu rridu spjegazzjoni ċara biex forsi nsibu ftit minn dak li jkun ġara.
Partikolarment meta jiġru diżastri naturali, huma ħafna li jgħidu li dan ikun “sinjal minn Alla,” “tbeżbiża,” u saħansitra “kastig minn Alla,” minħabba li skont dawn l-istess nies, huma ħafna li qed jimxu kontra l-kelma t’Alla.
Hemm ukoll ħafna li jistaqsu, “jekk dan mhux ġej minn Alla, għaliex jippermetti dan kollu?”, “Jekk Alla jista’ kollox, għaliex ma jwaqqafx dan kollu?”
Għamilna kuntatt ma’ Fr Brendan Gatt, u staqsejnieh dawn id-domandi.
Dan hu dak li qalilna:
Tassew, donnu hemm tendenza li meta jseħħ xi diżastru naturali ħafna nies iwaħħlu f’Alla, u dan fuq żewġ livelli; l-ewwel livell huwa dak fejn xi wħud isostnu li Alla qed jikkastiga lid-dinja għal xi ħaġa ħażina li l-bnedmin qed jagħmlu. Hemm imbagħad dawk li “jwaħħlu” f’Alla għax jgħidu: “Imma jekk Alla jista’ kollox, għalfejn ma jwaqqafx dan kollu?” Dawn it-tip ta’ mistoqsijiet qed narawhom issa meta qed jinħassu ħafna theżżiżiet (u rajna l-ħsara terribbli u l-imwiet fit-Turkija u s-Sirja) imma smajnihom ukoll ftit tas-snin ilu fil-konfront tal-imxija tal-Covid-19.
Għalkemm nifhem u nissimpatizza minn fejn ġejjin dawn il-mistoqsijiet, li huma leġittimi sa ċertu punt, ikollna ngħidu li ż-żewġ naħat qed jirriflettu żball fundamentali fil-mod ta’ kif nifhmu lil Alla.
Il-fatt li fid-dinja hemm ħafna mġiba li tmur kontra r-rieda t’Alla ma jfissirx li hu sejjer jibgħat il-kastigi permezz ta’ diżastri naturali. Min jimmaġina lil Alla jġib ruħu hekk, iktar qed jaħseb fl-allat tal-mitoloġija (pereżempju xi Zeus bis-sajjetta lesta f’idu) milli lil Alla kif urihulna Ibnu Ġesù Kristu. Għax mistoqsijiet bħal dawn saru anki lil Ġesù stess matul ħajtu. Darba għamlulu mistosqija dwar il-qtil ta’ xi pellegrini Galilin minn Pilatu, u t-tiġrif ta’ torri li ħalla tmintax-il ruħ mejta. U l-mistoqsija kienet jekk dawn in-nies kinux iktar ħatja minn ħaddieħor (i.e. jekk kienx jistħoqqilhom kastig). It-tweġiba ta’ Ġesù kienet: “taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”(ara Luqa 13, 1-5).
Il-punt ta’ Ġesù huwa li Alla ma jibgħatx id-diżgrazzji bħala tpattija, sew meta d-diżgrazzji ikunu kkawżati minn forza naturali (bħal terremot jew għargħar, jew ukoll il-mard) u lanqas meta jiġu mill-kefrija tal-bniedem. Wara kollox, bosta drabi l-iktar li jbatu minn dawn iċ-ċirkustanzi huma l-iktar innoċenti. Alla jkun inġust u kattiv kieku jibgħat l-għargħar u t-terremoti (li spiss jeqirdu d-djar tal-iktar foqra) għall-korruzzjoni u l-ħażen ta’ bnedmin li huma fost l-iktar sinjuri fid-dinja! Għalfejn għandhom jeħlu t-Torok u s-Sirjani (pereżempju) għal dak li jseħħ fi New York, Londra, Beijing, Berlin jew Moska?
Iżda Ġesù xorta waħda joħroġ tagħlima minn dan kollu, għax joffrilna twissija. Jgħidilna li għalkemm m’għandniex naraw id-diżgrazzji bħala kastig, xorta waħda narawhom bħala twissija: ifakkruna li l-ħajja hi qasira u fraġli. U għaldaqstant nagħmlu tajjeb li ngħixu kull mument ta’ ħajjitna bl-għarfien li jista’ jkun l-aħħar wieħed. Jekk ngħixu b’dan l-ispirtu, żgur li nagħmlu l-għażliet tal-ħajja b’iktar responsabbiltà; żgur li nġibu ruħna aħjar ma’ xulxin. Jekk inżommu f’moħħna li f’mument ninsabu hawn imma f’teptipa t’għajn nistgħu nsibu ruħna quddiem Alla, probabbilment ngħixu ħafna aħjar.
It-tieni punt, dwar il-għalfejn Alla ma jwaqqafx il-ħażen milli jseħħ, huwa waħda mill-mistoqsijiet l-iktar fundamentali tal-filosofija. Alla żejjen il-bniedem bil-libertà, u allura ma jindaħallux fl-imġiba tiegħu, għalkemm permezz tal-grazzja jipprova jdawwlu sabiex jagħmel it-tajjeb u mhux il-ħażin. Imma l-mument li Alla jwaqqaf lill-bniedem milli jagħmel xi azzjoni ħażina, ikun qed ixellef il-libertà tiegħu (free will bl-Ingliż). Hekk il-bniedem ma jkunx tassew ħieles, imma jispiċċa qisu robot f’idejn Alla. Għax biex jien inħobb tassew (kif Alla jixtieq li nħobbu lilu u lil dawk ta’ madwari) hemm bżonn li nkun liberu wkoll li ma nħobbx. Inkella, jekk inħobbok bilfors, xi mħabba tkun?
L-istess jgħodd għan-natura u l-ħolqien. Alla fil-maġġor parti taċ-ċirkustanzi jħalli n-natura tiegħu l-kors tagħha, anki meta l-konsegwenzi ma jkunux sbieħ. Għax jekk Alla joqgħod jintervjeni f’kull mument u jgħawweġ ir-regoli tan-natura u tal-ħolqien (dawk li aħna nsejħulhom mirakli) allura l-libertà vera ma teżistix. Id-dinja tkun qisha ġugarell f’idejn tifel li jiddeċiedi kollox hu. Huwa proprju meta n-natura titħalla timxi l-kors naturali tagħha li l-bnedmin jitgħallmu jkunu responsabbli għall-għemil tagħhom, u jitgħallmu wkoll jagħmlu ġesti ta’ eroiżmu, bħalma naraw nies erojċi jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil min ikun fil-periklu.
U aħna nemmnu wkoll li Alla jżejjen bl-għerf lix-xjentisti u lil dawk li għandhom is-setgħa fid-dinja, sabiex isibu mezzi dejjem aħjar biex jipprevjenu d-diżastri u biex nikkonservaw ir-riżorsi naturali u s-saħħa tal-ħlejjaq. Fil-fatt tul l-istorja, spiss kien quddiem diżastri, gwerer, u mard serju, li x-xjenza għamlet qabża kbira ‘l quddiem. Imma kieku Alla jintervjeni quddiem kull diżastru naturali u jwaqqfu, tkun dinja artifiċjali u falza. Il-mirakli huma eċċezzjoni rari ħafna, mhux in-norma.
Dan kollu ma jfissirx li Alla mhuwiex sensittiv għat-tbatija tal-bniedem; aħna nemmnu li Alla kapaċi joħroġ il-ġid anki mid-deni, u allura quddiem ċirkostanzi koroh bħal dawn ċertament sejjer jippremja lil dawk li jagħmlu l-ġid, u jilqa’ fi ħdanu lil dawk li innoċentement tilfu ħajjithom. Ġesù tul ħajtu f’din id-dinja dejjem wera simpatija u kompassjoni kbira għal dawk li jbatu; anzi, ibati magħhom hu stess, li żgur kien innoċenti għalkollox.
Ikun Nisrani ħażin min jistaqsi mistoqsijiet bħal dawn (dwar Alla fejn ikun fit-tbatija)? Lanqas xejn! Alla żejjinna bid-don tal-fidi imma tana wkoll l-intelliġenza u r-raġuni. U dawn kollha qegħdin biex nużawhom; nagħmlu tajjeb li nistaqsu l-mistoqsijiet li jiġuna f’qalbna. Imma mbagħad nagħmlu tajjeb ukoll li bil-qalb naċċettaw li Alla huwa mħabba, u huwa infinitament ikbar minna. U allura quddiem it-tbatija tal-ħajja nistgħu nduru lejh, u għalkemm ma nifhmux dejjem, inħalluh ifarraġna u jagħtina l-paċi tiegħu, fl-għarfien li jista’ joħroġ il-ġid mid-deni, u joffrilna l-ħajja ta’ dejjem meta l-ħajja f’din id-dinja tintemm.
