Ma ħalliex impressjoni wisq tajba l-kantant Blanco, li flimkien ma’ Mahmood, kien ir-rebbieħ tas-sena l-oħra, wara li nhar it-Tlieta filgħaxija għamel ħerba fuq il-palk ta’ Sanremo, l-akbar festival mużikali fl-Italja.
Blanco, beda jixxuttja u jkisser il-fjuri li kien hemm fuq il-palk ta’ Teatro Ariston, waqt dak li deher bħala mument ta’ rabja.
L-imġiba tiegħu ma’ ntlaqgħet xejn tajjeb mill-udjenza preżenti kif ukoll minn kull min kien qiegħed isegwi l-festival daqstant prestiġjuż.
Il-kantant ipprova jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu billi qal li kellu problemi tekniċi waqt li kien qed ikanta l-kanzunetta l-ġdida tiegħu L’isola dellek rose.
Madanakollu, huma ħafna li qed jgħidu li din kienet xena ppjanata.
Il-preżentatur u direttur artistiku Amadeus offrielu ċ-ċans biex jerġa’ jkanta aktar tard matul is-serata, li ma ntlaqgħet xejn tajjeb mill-udjenza preżenti.
F’ritratti li qed jiċċirkolaw, Gianni Morandi, wieħed mill-preżentaturi ta’ Sanremo, jidher jgħin fit-tindif tal-ħerba li ħalla warajh Blanco.
L-ewwel serata tal-festival intrebħet minn Marco Mengoni.
