Id-dinosawru vjola tant popolari u maħbub mis-snin 90, Barney, se jirritorna, iżda b’dehra differenti ħafna!
Il-kumpanija Mattel ħabbret nhar it-Tnejn li se tkun qed tniedi mill-ġdid il-franchise emblematika ta’ Barney,
Dan se jinkludi kontenut għat-televiżjoni, films u YouTube kif ukoll mużika u firxa sħiħa ta’ prodotti għat-tfal inklużi ġugarelli, kotba, ħwejjeġ u aktar. Se jkun hemm ukoll ilbies u aċċessorji għall-ammiraturi adulti ta’ Barney.
Mattel se tniedi mill-ġdid lil Barney għal ġenerazzjoni ġdida b’serje animata ġdida fjamanta, li se tiddebutta globalment fl-2024. Maħluqa għat-tfal żgħar ħafna, partikolarment dawk fiż-żmien ta’ qabel jibdew l-iskola, is-serje se tinkludi d-dinosawru vjola u l-ħbieb, u tintroduċi udjenzi ġodda għad-dinja ta’ Barney permezz ta’ mużika u avventuri bbażati fuq l-imħabba, il-komunità u l-inkoraġġiment.
L-għan tal-kumpanija Mattel huwa li filwaqt li żżomm il-messaġġ ta’ mħabba u ġentilezza li dejjem wassal Barney, tqanqal nostalġija lill-ġenerazzjoni li trabbew ma’ Barney u tintroduċi d-dinosawru vjola ikoniku lil ġenerazzjoni ġdida ta’ tfal u familji madwar id-dinja permezz ta’ kontenut, prodotti u esperjenzi.
Filwaqt li s-serje se tkun adattata għad-dinja moderna tal-lum, Mattel tittama li l-verżjoni moderna ta’ Barney tispira lill-ġenerazzjoni li jmiss biex jisimgħu, ikunu sensittivi għal ta’ madwarhom u joħolmu. Is-serje hija maħsuba li tintgħoġob mhux biss mit-tfal iżda wkoll mill-adulti, li ħafna minnhom jiftakru s-serje l-antika.
Is-serje l-antika Barney & Friends damet għaddejja mill-1992 sal-2010. Il-karattru ta’ Barney kien interpretat minn attur bil-kostum iżda s-serje l-ġdida se tkun animata.
Din l-aħbar qajmet ukoll kontroversja hekk kif bosta kkritikaw it-tibdil drastiku fid-dehra ta’ Barney.
Partikolarment minn dawk li jiftakru l-verżjoni l-antika, dan it-tibdil ma ntlaqa’ tajjeb xejn.
