It-tarbija li twieldet taħt it-tifrik ta’ bini mġarraf fis-Sirja, u l-uniku membru tal-familja immedjata tagħha li rnexxielha ssalva f’terremot qawwi, ġiet adottata miz-zija u z-ziju tagħha.

Eluf ta’ nies kienu offrew li jadottaw lit-tarbija tat-twelid, li kienet għadha mqabbda ma’ ommha permezz tal-kurdun meta ġiet salvata.

It-tarbija, li tinsab f’saħħitha, ħarġet mill-isptar wara li test tad-DNA ikkonferma li l-persuna kienet bijoloġikament iz-zija tagħha.

It-tarbija issa ġiet imsemmija Afraa, għal ommha. Ftit wara li ġiet salvata, l-uffiċjali kienu semmewha Aya, li tfisser miraklu bl-Għarbi.

Filmati li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali wrew raġel iġorr tarbija mimlija trab f’idejh. Allegatament hija kienet ilha taħt it-tifrik għal aktar minn 10 sigħat. It-tobba qalu li waslet l-isptar f’kundizzjoni ħażina ħafna, bi tbenġil u feriti ma’ ġisimha kollu.

Il-bini li fih kienet tgħix il-familja tagħha kien wieħed minn madwar 50 li nqerdu mit-terremot f’Jindayris, belt miżmuma mill-oppożizzjoni fil-provinċja ta’ Idlib li tinsab qrib il-fruntiera Torka.

Huwa mifhum li ommha mietet wara li welldet ftit wara li seħħ it-terremot. Missierha, l-erba’ aħwa u zija nqatlu wkoll.

Iz-zijiet tat-tarbija qalu li l-aħjar post għal Afraa huwa mal-familja tagħha minkejja li huma wkoll jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli minħabba li d-dar tagħhom inqerdet ukoll fit-terremot u qed joqogħdu ma’ kuġini.

Huma kellhom ukoll tarbija tlett ijiem wara t-terremot, iżda qalu li se jittrattaw lil Afraa bħala waħda mit-tfal tagħhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks