Vitória Bueno, żeffiena Brażiljana ta’ 17-il sena saret waħda mill-istilel internazzjonali ta’ ispirazzjoni hekk kif il-prestazzjonijiet tagħha saru virali fuq il-midja soċjali
L-istilla Brażiljana, imwielda f’Santa Rita do Sapucaí, belt żgħira fiż-żona ta’ Minas Gerais fil-Brażil, ipparteċipat fuq America’s Got Talent: All Stars fejn żifnet il-ballet b’mod eċċezzjonali tant li impressjonat mhux ftit lill-ġurija.
Minħabba kundizzjoni ġenetika li tissejjaħ photocomelia, Vitória twieldet mingħajr idejn. Madankollu, ma ħallietx din l-isfida żżommha lura għaliex Vitória tista’ tagħmel dak kollu li tagħmel kwalunkwe żeffiena oħra u aktar!
Kienet proprju l-fiżjoterapista tagħha li ssuġġeriet il-ballet bħala mod kif issaħħaħ ġisimha u timmaniġġja aħjar il-kundizzjoni tagħha.
“Għalija, l-idejn huma biss dettall. Insegwi b’għajnejja, bħallikieku qegħdin hemm,” tispjega Vitória.
Vitória kienet kisbet il-popolarità tagħha fil-Brażil meta bdiet ittella’ filmati taż-żfin tagħha fejn kienet meqjusa bħala ispirazzjoni.
Il-fama tagħha nfirxet meta pparteċipat fuq Das Supertalent, il-verżjoni Ġermaniża tal-produzzjonijiet ta’ Got Talent. Il-kunfidenza, is-sbuħija u ż-żfin impekkabbli tagħha saħħret lill-ġurija tant li ngħatat il-Golden Buzzer u marret direttament għal-live shows. Hija kklassifikat fit-tieni post, li wassalha għall-America’s Got Talent: All Stars.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-popolarità tagħha kompliet tikber. Hija għandha madwar 464,000 segwaċi fuq il-kont ta’ Instagram tagħha u l-prestazzjoni tagħha fuq America’s Got Talent: All Stars dehret aktar minn 11-il miljun darba fi ftit xhur biss!
Lil hinn mill-popolarità, bit-talent tagħha, Vitória qed twassal messaġġ li fil-ħajja ma trid tħalli l-ebda sfida żżommok lura milli twettaq dak kollu li tixtieq.
