Btala f’Malta nbidlet f’ħolma kerha għall-familja Awstraljana li qed issostni li sieq it-tifel, li llum għandu 10 xhur, kellha tiġi maqtugħa wara li allegatament sar żball mit-tobba li ttrattawh f’Mater Dei.
Kollox beda minn Novembru tas-sena l-oħra meta t-tifel, Zayn Seguna, ittieħed l-isptar Mater Dei biex jingħata l-kura għal chest infection.
F’rapport mill-midja Awstraljana ġie rrappurtat li ommu, Joanne Seguna qed tallega li t-tobba qalulha li għamlu ħsara xħin laqtu arterja waqt li daħħlu central line biex it-tifel jingħata l-kura.
Hija tallega li t-tobba ndunaw mill-ewwel minħabba li siequ biddlet il-kulur mill-ewwel.

L-omm tgħid li wara tlett ijiem li l-kundizzjoni tat-tifel baqgħet sejra lura, qalulhom li m’għandhomx kirurgu vaskulari tat-tfal u li se jkollhom jitilgħu l-Ingilterra.
Tispjega li l-għada marru l-Ingilterra u fi ftit sigħat, Zayn saritlu operazzjoni fl-isptar Great Ormond Street f’Londra u sfortunatament minħabba li l-ħsara li kien hemm, kellha tinqatagħlu siequ.
“Qalbi maqsuma. Inħoss li qerdulu ħajtu,” tallega l-omm b’referenza għat-tobba li ttrattaw lil binha f’Mater Dei filwaqt li żżid tgħid li l-kirurgu ta’ Great Ormond Street qalilha li sieq it-tifel kellha tiġi eżaminata fi żmien sigħat u mhux jgħaddu jiem.
Mar-ritorn tagħha l-Awstralja fis-16 ta’ Jannar, il-familja Seguna kellha tmur direttament l-isptar minħabba li Zayne reġa’ ma kienx jiflaħ u kien biss wara 73 ġurnata li setgħu jirritornaw id-dar.
Il-familja kitbet ittra ta’ ilment lill-isptar Mater Dei fejn qed tallega negliġenza mit-tobba li naqsu milli jagħtu l-kura lil Zayn.
F’rapport fuq it-Times of Malta ġie rrappurtat li l-ministeru tas-saħħa kkonferma li nfetħet investigazzjoni interna fil-bidu tas-sena u għadha għaddejja.
