Il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares laqqagħtna ma’ Annalise Caruana.
Annalise, li kienet l-ewwel pazjenta tal-maħbub Dr. Victor Calvagna, ġiet iddijanjostikata b’kanċer meta kellha 12-il sena.
Flimkien mal-ġenituri tagħha, Annalise għaddiet minn tbatija kbira fiż-żmien li kellha tagħmel sena l-Ingilterra mingħajr għajnuna meta Puttinu kien għadu ma jeżistix.
Illum, Annalise għandha żewġt itfal u ilha voluntiera ma’ Puttinu Cares għal dawn l-aħħar 9 snin u tieħu ħsieb il-bookmarks kollha tat-tiġijiet u okkażjonijiet oħra bħal praċett, griżma u ta’ għeluq is-snin.
Permezz tal-esperjenza tagħha, Annalise tixtieq twassal messaġġ lilek li qed taqra dan l-artiklu biex nhar il-Ġimgħa 7 ta’ April, fil-Ġimgħa l-Kbira, tgħin lil Puttinu Cares biex ikompli jgħin aktar nies li jiġu bżonnu ħalli ħadd ma jesperjenza t-tbatija li għaddew hi u l-ġenituri tagħha meta ma kienx hemm għajnuna.
