Is-Sibt 4 ta’ Marzu, Point Blank nieda l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħu bl-isem ta’ Shout.

B’mużika ta’ Cyprian Cassar u kliem ta’ Christina Magrin, Shout għandha wkoll vidjow mużikali li jirrifletti l-messaġġ b’saħħtu tal-kanzunetta.

Point Blank huwa grupp mużikali ġdid fix-xena lokali. Aaliyah, Gianluca, Norah, Sophie u Thomas huma l-membri ta’ Point Blank, kollha studenti ta’ The Voice Lab Malta. Claudia Magrin, il-kowċ vokali u l-maniġer ta’ Point Blank għaqqdet lil dan il-grupp u għarfet li kien se jkun b’saħħtu minħabba d-diversità fil-personalità u l-vuċijiet tal-membri. Din id-diversità toffri ħoss u stil innovattiv. Minkejja li l-membri ta’ Point Blank huma ta’ età żgħira, il-mużika tagħhom tappella għal udjenza wiesgħa.

Il-lirika ta’ Shout twassal messaġġ ta’ inkoraġġiment lil dawk kollha li jħossu li leħinhom mhux mismugħ għal diversi raġunijiet. Tħeġġiġhom biex ma jaqtgħux qalbhom, huma min huma, anke jekk jaħsbu li ħadd mhu qed jismagħhom u jibqgħu dejjem iħarsu ‘l quddiem.

Il-kanzunetta hija diġà disponibbli fuq kull pjattaforma diġitali fosthom fuq Spotify, Deezer, Youtube Music, Amazon, Apple Music u iTunes.

L-artisti ta’ Point Blank beħsiebhom jaħdmu fuq iktar proġetti biex ikomplu jwasslu l-mużika tagħhom, għax diġà għarfu li bil-mużika tista’ tferraħ u twassal messaġġ b’saħħtu li jibqa’.

Tistgħu ssegwu lil Point Blank permezz tas-sit tagħhom https://pointblankmalta.com/ u fuq il-midja soċjali: (6) Point Blank | Facebook / Point Blank (@pointblankmalta) • Instagram photos and videos

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks