Ħarset lejn l-arloġġ ta’ fuq il-komodina.
Fetħet għajnejha kemxejn aktar ħalli tiġi f’tagħha.
Illum. Illum kienet waslet dik il-ġurnata li tant kienet qiegħda tistkerraħ. Daret bil-kontra fis-sodda, qalb il-lożor imqallbin u ħarset lejh. Għalkemm kienet taf li ma kellhiex torbot qalbha miegħu, f’dawn l-aħħar sentejn, kienet saret tħobbu.
Kien rieqed qisu tarbija. Xufftejh kienu kemmkemm imbexxqin, għajnejh nofshom miftuħin u n-nifs kien b’ritmu trankwill. Xagħru iswed innukklat kien imferrex fuq l-imħadda. Għal mument xtaqet iddawwar idejha miegħu u tibqa’ hemm. Xtaqet tħobbu tal-aħħar, iżda kienet taf li kien sar il-ħin. Il-ħin li titilqu għal dejjem.
“Jerome….” lissnet minn taħt. Tatu bewsa b’passjoni kbira, dawwret subgħajha f’nokklu ta’ xagħru, waqt li r-riħa familjari tal-ġilda tiegħu daħlet f’imnifsejha u ħassitha kważi tirtogħod. “Ċaw, qalbi. Daqshekk rajtni….” qalet, bilkemm tinstema’.
Qamet minn ġos-sodda b’ħeffa, ħadet kolazzjon ħafif u tat daqqa t’għajn lejn il-kċina. Din id-dar kienet saret parti minnha. Kienet drat sew hawnhekk. Għalfejn kienet xortiha daqshekk ħażina? Kif ma setgħetx tibqa’ hawn? U kif min ikollu dal-ġid kollu, ma jkunx jaf japprezzah?
Poġġiet il-platti li użat fis-sink, ħaslithom u bdiet iddur kamra, kamra, tħares lejn l-għamara u tifli kull kantuniera. Kieku riedet setgħet tibqa’ hawn. Setgħet tivvinta xi ħaġa biex tibqa’ tgħix f’din il-ħajja lussuża ma’ dan ir-raġel li bla ma riedet kienet saret tħobb. Imma kienet taf li ma setgħetx.
Dawwret ħarsitha lejn il-purtieri jperpru maż-żiffa ħelwa li kienet dieħla mit-twieqi, messet id-drapp fin tagħhom għall-aħħar darba u ħarġet mid-dar. Qalbha kienet maqsuma.
Sentejn.
Sentejn eżatt.
Imxiet fuq it-takkuna li kienet drat tilbes dawn l-aħħar sentejn u daħlet fil-karozza lussuża li kien hemm ipparkjata quddiem id-dar tagħha.
Tagħha.
X’ironija.
Sentejn ilu, meta ġiet hawn l-ewwel darba lanqas felħet temmen li kienet ser tidra daqshekk u li xi darba kienet ser tqis dan kollu bħala tagħha.
Qabdet il-karozza u telqet biha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks