L-attivista u attriċi komika Ingliża ħabbret l-isem il-ġdid tagħha, Suzy Eddie Izzard.
Waqt podcast politiku, hija qalet li ilha tixtieq l-isem ta’ Suzy minn meta kellha 10 snin, iżda dak iż-żmien kienet taħseb li dan qatt mhu se jseħħ.
Izzard ħarġet bħala transġeneru fis-snin 80, li hi tiddeskrivi dan il-pass bħala wieħed ta’ “supereroj” għal dak iż-żmien. Bdiet tuża l-pronomi femminili fl-2019 wara li waqt ċerimonja rreferew għaliha bil-pronomi femminili. Hija tispjega li tant ħassitha tajjeb li minn hemm ‘il quddiem bdiet tuża pronomi femminili.
Fil-fatt, fl-2020, Izzard bdiet tuża pubblikament pronomi femminili waqt li dehret f’sezzjoni tal-Portrait Artist of the Year ta’ Sky Arts.
L-artista ta’ 61 sena tispjega kif il-fatt li bdiet tuża l-pronomi femminili ħeġġiġha biex finalment tibdel ukoll isimha kif dejjem xtaqet. Tgħid ukoll li ddeċidiet li isimha jkun Suzy Eddie Izzard biex in-nies jagħżlu huma kif jixtiequ jsejħulha u ma jistgħux imorru żmerċ.
Izzard kellha karriera ta’ għexieren ta’ snin fil-films u t-televiżjoni. Fost ħafna, hija ħadmet fil-films Ocean’s Thirteen, Mystery Men, Across the Universe, My Super Ex-Girlfriend u fis-sensiliet televiżivi The Lost Symbol, Hannibal, Powers u The Riches. Dan minbarra x-xogħol tagħha tal-istand up comedy, li wassalha għal żewġ Emmy Awards
Lil hinn minn Hollywood, Izzard hija membru tal-Partit Laburista tar-Renju Unit u attivista tal-politika.
