Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska li kompliet aktar kmieni llum, Spettur xehed fost oħrajn li żewġ priġunieri li kienu fiċ-ċella ma’ Abner Aquilina fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Karmeli, stqarrew li Abner qalilhom li għall-ewwel ipprova jifga lill-vittma b’faxxa li kellu f’idejh u wara daħħal iċ-ċwievet tal-mutur fil-parti intima tagħha u ċarrtu biex ikun jista’ jistupraha.

Dan ġie rrappurtat minn TVMNews, fejn fl-istess rapport ingħad li waqt li beda jixhed dan l-ispettur, Aquilina beda jfaqqa’ daħk u minnufih ġie msikket.

Spettur ieħor xehed li ż-żewġ priġunieri li tkellmu mal-pulizija, għamlu dan mingħajr ma stennew xejn lura. Żied jgħid li fiċ-ċella nstabu flokk li fuqu pinġa l-istupru u kliem oxxen, djarju u noti miktuba minnu dwar il-femiċidju. Xehed ukoll li waqt it-tfittxijiet, Aquilina staqsa lill-pulizija jekk iridux il-parti jew l-isperma tiegħu bħala evidenza.

Waqt ix-xhieda tiegħu, l-istess spettur qal li l-priġunieri stqarrew mal-pulizija li semgħu lil Aquilina jgħid li jridu joqtol lil ommu u lill-avukat tiegħu. Intqal ukoll li Aquilina joqgħod jitkellem dwar il-qtil bl-aktar mod moqżież.

Fl-awla, kien hemm preżenti omm Abner Aquilina, li kienet emozzjonata tul is-seduta.

Skont ir-rapport ta’ TVMNews, fil-bidu tas-seduta, id-difiża ressqet rikors biex Aquilina ma jibqax miżmum arrestat fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Karmeli. Argumentat li l-akkużat għandu jew jintbagħat il-ħabs jew ikun meqjus bħala pazjent f’Monte Karmeli. Żiedet tgħid li meta kien pazjent f’Monte Karmeli, l-imġiba ta’ Abner kienet aħjar, iżda fit-Taqsims Forensika qed ikollu diżgwid ma’ ħabsin oħrajn.

Id-digriet dwar dan ir-rekors se jingħata fid-29 ta’ Marzu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks