Dan huwa żmien fejn diversi artisti jkunu għaddejjin bil-preparamenti tagħhom għall-produzzjonijiet li jkunu se jittellgħu relatati mal-ġrajja li teħodna fl-aħħar jiem ta’ Ġesù Kristu, skont ir-reliġjon Kattolika.
Filwaqt li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, id-drammi tal-ġrajja tradizzjonali jibqgħu jqanqlu interess, inkluż lil dawk li forsi mhumiex daqstant reliġjużi jew iħaddnu reliġjon differenti, huma ħafna li jfittxu dik il-produzzjoni li tkun differenti minn dak li s-soltu naraw. Dik il-produzzjoni li ma tkunx taf fuq liema vjaġġ se tieħdok jew x’emozzjonijiet u ħsibijiet se tqanqallek.
Permezz tad-dramm L-Elett, li se jittella’ nhar il-5, 6 u 7 ta’ April fit-Teatru Dumnikan, il-Birgu, l-awtur u d-direttur Patrick Vella qed jagħtik l-opportunità li tgħix din l-esperjenza!
Għamilna kuntatt miegħu biex niskopru aktar dwar dan id-dramm u għaliex m’għandekx titlef iċ-ċans li tmur tarah!
L-Elett – X’se jagħmel din il-produzzjoni differenti minn oħrajn? Fejn se teħodna l-ġrajja ta’ dan id-dramm?
Nibda billi nħid li dan id dramm mhuwiex dramm tradizzjonali u twil, u wisq anqas pageant, anzi jeħodna ‘l bogħod minn kull pageant tradizzjonali. Il-ġrajja nafuha, jew biex ma nkunx patronizzanti, naħseb li kulħadd jafha… biss qbadt l-aħħar mumenti ta’ Jeshwa, jew ahjar kif nafuh aħna, Ġesù Kristu, u tfajtha fi żmien Ewropa Nażista, propjament fl-1942, fejn il-Lhud kienu ippersegwitati minn dawk li kienu jqisu rwieħhom bħala Arjanni, in-Nażisti. Issa immaġina, Lhudi jrid joqtol Lhudi fi żmien Nażist. Fi żmien fejn l-istess Lhud kienu kollha kkundannati għall-mewt. Din mhux ġrajja ta’ bniedem wieħed, imma ta’ ħafna. Ngħiduha kif inhi, hemm dejjem gwerra x’tiġġieled.
X’kien li ġiegħlek tikteb dramm li jirrakkonta l-ġrajja fi żmien kompletament differenti minn kif nafuha?
Li tirrakkonta storja li diġà ġrat, mhux fl-interess tiegħi bħala artist. Hawn ħafna li jagħmluha kull sena u jagħmluha bil-mod tagħhom, u ħafna nies tinteressahom din it-tip ta’ drama tal-komunità. Jien m’għandix dak l-interess, għalkemm nirrispetta din it-tradizzjoni. Minnflok insib iktar ta’ sodisfazzjon li nġiegħel lin-nies joħorġu jaħsbu, jiddiskutu, jaqblu jew ma jaqblux fuq dak li raw. Biss irrid li n-nies jiftakru fil-ġenoċidji li kien hawn, kemm verament batew, mhux fit-Tieni Gwerra Dinjija biss għax wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hawn iktar minn 200 kunflitt ieħor sal-lum, bl-aħħar wieħed, li huwa pjuttost jaħraq bejn ir-Russja u l-Ukrajna, imma ngħiduha kif inhi, ma nistgħux ninjoraw illi din il-gwerra tista’ tikber iktar milli hi.
X’inhu l-iktar ta’ sfida biex skript ta’ dramm bħal dan jingħata l-ħajja?
Ir-realiżmu li għandu bżonn dan it-tip ta’ dramm, huwa wieħed nażżarda ngħid “estrem” l atturi qed jiġu mħarrġa ankę minn suldat apposta biex nifhmu iktar id-drills tas-suldati nażisti, ir-riċerka li trid biex tifhem iktar minn xiex għaddew il-Lhud ġewwa l-ghettos, kif ukoll wieħed irid isib dik il-linja fina biex tibqa’ l-filosofija morali tal-istorja ta’ Jeshwa, jew aħjar Ġesù in-Nazzarenu.
Min huma wħud mill-artisti li se jieħdu sehem?
Hemm jien fil-parti tad-Direttur tal-Gestapo, ( b’simbolu ma’ Pilatu), Mario Gatt (fil-parti tal-Kap tal-Pulizija Awziljarja Lhudija b’simbolu ma’ Kajfa, Stefan Galea fil-parti ta’ Judas, kif ukoll atturi oħra…. Meta nkun qed nieħu sehem jien allura nagħti d-direzzjoni f’idejn l-assistenta tiegħi Alexia Micallef.

Huwa ta’ vantaġġ li tidderieġi dramm li tkun ktibt int stess?
Tkun taf xi trid iktar ovvjament, ma tridx tipprova tifhem awtur ieħor. Nieħu pjaċir ukoll nagħmel xogħol ta’ ħaddieħor, biss tiegħek dejjem tiegħek… u tkun tista’ tesperimenta ħafna u ħafna iktar għax taf li l-ebda awtur mhu se jieħu għalih!
Għaliex wieħed għandu jiġi jara dan id-dramm?
Jekk tixtieq tara xi ħaġa totalment differenti imma lest li tiġi b’moħħ miftuħ u mhux marbut ma’ storja Bibblika, mela din xi ħaġa li tgħodd għalik, jekk jogħġbok it-teatru b’atturi realistiċi ħafna fil-karattri tagħhom mela dan huwa d-dramm għalik, jekk idejquk drammi tal-ħafna mela dan hu dramm għalik, jekk fuq kollox trid tara artisti dedikati b’dixxiplina impekkabbli mela dan hu d-dramm għalik. Dramm li huwa twil mhux iktar minn 40 minuta, b’att wieħed, imma lest li jsammrek mas-siġġu… u tistennewx tislib… fi żmien in-Nażisti kellhom metodi oħra ta’ tortura.
Xi tfisser għalik din il-produzzjoni?
Din il-produzzjoni hija l-ewwel waħda serja minn wara l-covid.. għamilt affarijiet oħra, bħal Dalma ( The horror Escape adventure), ftit ilu għamilt show għall-familja għall-Milied bl-isem ta’ In Search of Rudolph, imma dan id-dramm, li kont diġà għamiltu f’film qasir fl-2012, issa wasal biex jittella’ fuq il palk u jfakkarna fil-gwerer passati u dawk preżenti, fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira.
@skopertaofficial L-Elett – Dramm li jirrakkonta l-aħħar jiem ta’ Ġesù fi żmien kompletament differenti minn dak tal-ġrajja tradizzjonali! #lelett #dramm #ġrajja #nażiżmu ♬ original sound – Skoperta
Jekk dan li għadek kif qrajt u rajt qanqallek interess, ixtri l-biljetti tiegħek issa minn hawn.
