Steward Health Care Malta ressqet appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili Maltija li jiġi annullat il-ftehim kollu b’rabta mat-tmexxija tal-isptarijiet u talbet Deċiżjoni Preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-kumpanija qalet li ma taqbilx mal-konklużjoni tal-imħallef fir-rigward ta’ Steward, u sostniet li l-valutazzjoni saret mingħajr ebda bażi ta’ evidenza. Hija ddeskriviet id-deċiżjoni bħala waħda żbaljata u li setgħet kienet mod ieħor kieku Steward intalbet tipprovdi evidenza b’rabta mal-akkużi.
Fi stqarrija, Steward sostniet li dan iqajjem tħassib kbir dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u implikazzjonijiet serji għall-futur tal-investiment barrani fil-pajjiż.
Flimkien mal-appell, Steward qed titlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Filwaqt li qalet li m’għandha l-ebda pożizzjoni dwar jew għarfien ta’ avvenimenti li seħħew waqt li kienet qed tingħata l-konċessjoni, Steward qalet li għandha evidenza dokumentata sinifikanti biex tirribatti kwalunkwe allegazzjoni fil-konfront tagħha. Żiedet tgħid li l-evidenza tinkludi interazzjonijiet rilevanti mal-Gvern ta’ Malta u dokumenti li juru kif bidlet intrapriża falluta f’entita professjonali u finanzjarjament b’saħħitha.
Steward qalet ukoll li żammet lill-Ambaxxata u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, li qalet li f’diversi okkażjonijiet kien preżenti fin-negozjati dwar it-termini tal-konċessjoni, infurmati bis-sħiħ f’kull ħin dwar l-avvenimenti u l-impenji rilevanti kollha mal-Gvern ta’ Malta.
Fl-aħħar nett, l-istqarrija qalet li Steward tibqa’ impenjata li topera f’kull ħin skont l-ogħla standards u valuri professjonali tagħha. Żiedet tgħid li l-prijorità tagħha kienet u tibqa’ dejjem tagħti servizz għall-kura tas-saħħa lill-komunitajiet u lill-pazjenti.
