Kulħadd jaf lil André Penza bħala wieħed mill-atturi stabbiliti li għandna f’Malta, li huwa wkoll sinonimu mal-interpretazzjoni tal-parti ta’ Kristu, iżda sena ilu, skoprejna li l-passjoni tiegħu għall-arti ma jesprimihiex biss fir-reċtar iżda wkoll fix-xogħol tal-idejn.
Hekk kif 3 snin ilu faqqgħet il-pandemija tal-covid-19 u kulħadd kellu joqgħod id-dar, André iddeċieda li jimla l-ħin billi jesperimenta ftit bit-tafal, xi ħaġa li qatt ma kien qabad b’idejh qabel.
Dan wasslu biex eventwalment ħoloq presepju, kollu kemm hu maħdum bix-xogħol tal-idejn, bil-figuri b’kollox.
Għalkemm kien sodisfatt immens b’dak li għamel, André jgħid li kien konvint li jekk jiddedika iktar ħin, jista’ jagħmel aħjar u għalhekk iddeċieda li jerġa’ jibda kollox mill-bidu.
Fil-fatt, għat-tieni darba, André ħadem presepju li jirrakkonta l-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu.
Il-passjoni u d-dedikazzjoni li għandu għall-arti, tirrifletti fil-filmat li qasam magħna fejn wieħed jista’ japprezza x-xogħol artistiku tiegħu, kemm tax-xogħol tal-idejn kif ukoll fil-mod viżwali u tekniku ta’ kif qed iwassal dan ir-rakkont.
Għamilna kuntatt ma’ André biex niskopru aktar dwar il-proċess biex wasal għar-riżultat finali.

André, x’jirrikjedi l-proċess biex jinħadem presepju bħal dan?
Tista’ tgħid li m’għaddietx ġurnata waħda li ma mortx il- garaxx, daqqa nahdem fuq xi figura u daqqa naħdem fuq il-presepju. Meta kienet tiġi xi ġurnata li matulha ma kontx insib ħin naħdem fuqu kont immur fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Li kieku m’għamiltx hekk ma kontx inlesti żgur.
Il-proċess tat-tafal huwa impenjattiv ħafna u kull figura fiha sfida differenti mill-figuri li tkun għamilt qabilha minħabba l-pożizzzjonijiet u l-espressjonijiet. Hekk kif kont nimmaġina kif gejja xi xena, nibda billi nagħmel figura mingħajr ħwejjeġ u nagħtiha l-pożizzjoni biex imbagħad kif tinxef, naghmel l-ilbies. Wara mbagħad jibda x-xogħol tal-ixkatlar. Din l- iktar ħaġa li nidejjaq u nibża’ nagħmel għax mhux darba jew tnejn li figura nqasmet f’idi, għax it-tafal huwa fraġli ħafna speċjalment f’dak iċ-ċokon. Wara l-ixkatlar imbaghad jibda l-proċess taż-żebgħa u sfumar.
Min-naħa l-oħra l-presepju joffri sfidi oħrajn. L-ewwel tibni qafas sod, imbaghad tibda tibni ftit ftit. Waqt dan kollu trid taħseb u tippjana kif se tgħaddi d-dwal b’mod li meta tlesti dawn il-bozoz jekk jista’ jkun ma jiġux jidhru.
L- iktar biċċa li tagħtini sodisfazzjon hija meta tibda tagħti l-kulur, għalkemm wara li jinxef, mhux dejjem jiġi eżatt kif tkun ippjanajt. Hemm partijiet fejn żbajthom seba’ jew tmien darbiet qabel ħriġt il-kulur li nkun xtaqt. Qabel dan il-proċess ngħaddi diversi ġranet nosserva l- ġebel, veġetazzjoni, il-blat u l-bini sabiex kemm jista’ jkun jiġi realistiku. Hawn ippruvajt ninvolvi lil tal-familja u tista’ tgħid li kulħadd għandu sehem fih, min qatagħli xi karti f’forma ta’ weraq, min żebagħ xi biċċa blat eċċ.
Iżda x-xogħol fuqu mhuwiex biss meta tkun qed taħdem fuqu fiżikament. Fil-kumplament tal-ħin, moħħok xorta jkun qed jhewden u nkun fejn inkun dejjem niġbor u naħżen l-imbarazz fosthom zkuk u weraq li minnhom, wara proċess ta’ preservazzjoni mbagħad noħloq is-siġar u pjanti għall-istess presepju. Ta’ min jgħid li l-presepju huwa magħmul, tista’ tgħid kompletament, minn materjal reċiklat li nkun ġbart matul is-sena.

Ikun hemm mumenti fejn tħoss li m’intix se tilħaq tlesti saż-żmien li tkun ippjanajt?
Iva jkun hemm żmien fejn nibda naqta’ qalbi għax biex issib il-ħin mhux faċli u meta x-xogħol jittanta kont nipprova nibqa’ kalm, nieqaf u naħseb x’nista’ nagħmel. Tista’ tgħid li kont nippjana minn qabel għal ġimgħa sħiħa x’ser inkun qed nagħmel fuqu biex hekk kif insib il-ħin ma nitlifx żmien u jkolli l-materjal kollu li jkun se jkolli bżonn bil-lest.

Kif tħossok issa li għat-tieni darba rnexxielek tlesti dak kollu li kellek f’moħħok?
Illum sena wara, inħares lura b’sodisfazzjon li bdejt xi ħaġa u lestejtha għalkemm nistqarr li kont wasalt f’punt fejn kelli nwaqqaf l-immaġinazzjoni u nibda nikkonkludi u nagħlaq. Min jaf? Forsi dak li ma laħħaqtx, nagħmlu għas-sena d-dieħla.
Nittama li dan il-presepju, jew Golgota kif ħafna jsibuh, iservi mhux biss ta’ katekiżmu iżda wkoll ta’ ispirazzjoni biex nibqgħu nżommu dawn it-tradizzjonijiet antiki ħajjin. Nawgura lilkom il-qarrejja ta’ skoperta u lill-familji tagħkom l-Għid it-tajjeb.
