Steward Health Care ħabbret li bagħtet avviż ta’ terminazzjoni lill-Gvern biex ittemm il-ftehim ta’ konċessjoni tas-servizzi. L-avviż ta’ terminazzjoni jinkludi t-tmexxija u l-operat tal-isptar San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll l-iskola medika ta’ Barts.
Dan filwaqt li akkużat lill-gvern Malti li fost oħrajn, matul dan l-impenn naqas milli jkun responsabbli għall-obbligazzjonijiet tiegħu.
Fl-istqarrija, Steward qalet li l-prijorità tal-kumpanija tibqa’ l-benessri u t-trattament tal-pazjenti u l-benessri tal-istaff tagħha. Żiedet tgħidx li se tiżgura li jkun hemm tranżizzjoni ordnata tal-operat tagħha u se taħdem mal-awtoritajiet rilevanti in bona fede biex tiżgura li dan jiġi ffinalizzat f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
Il-kumpanija sostniet li dejjem ħadmet skont l-ogħla standards u valuri professjonali, inkluż għal governanza tajba u trasparenza.
Steward qalet ukoll li t-tluq tagħha minn Malta se jippermetti lill-kumpanija u lill-maniġment tagħha jiffokaw ir-riżorsi fuq ġurisdizzjonijiet li huma aktar akkomodanti u protettivi għall-investituri, u aktar jaqblu mal-istandards għoljin tagħha.
Żiedet tgħid li se tkompli l-missjoni tagħha, dik li tipprovdi kura ta’ kwalità għolja, effettiva u affordabbli għall-komunitajiet madwar id-dinja.
Din l-istqarrija ġiet ftit sigħat wara li l-kumpanija ħabbret li appellat is-sentenza tal-Qorti li jiġi annullat il-ftehim tat-tmexxija tal-isptarijiet u qed titlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
