Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet mandat ta’ arrest għall-President Russu Vladimir Putin.

Il-mandat inħareġ wara li l-qorti qed takkuża lil Vladimir Putin li huwa responsabbli għal reati tal-gwerra, inkluż id-deportazzjoni illegali ta’ tfal mill-Ukrajna lejn ir-Russja.

Il-qorti qed tgħid li r-reati twettqu mill-inqas mill-24 ta’ Frar 2022, meta r-Russja invadiet l-Ukrajna.

L-ICC akkużat lil Putin li kien involut fid-deportazzjoni tat-tfal, u tgħid li għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li wettaq l-atti direttament, kif ukoll li ħadem ma’ oħrajn.

Il-Qorti qalet ukoll li l-mexxej Russu naqas milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu biex iwaqqaf lil oħrajn li ddeportaw it-tfal.

Inħareġ ukoll mandat għall-Kummissarju tar-Russja għad-drittijiet tat-tfal, Maria Lvova-Belova.

Kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu qalet li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali m’għandhom l-ebda tifsira għal pajjiżhom, inkluż mil-lat legali.

Dan għaliex minkejja l-mandati, l-ICC m’għandha l-ebda setgħat biex tarresta s-suspettati, u tista’ teżerċita biss ġurisdizzjoni fi ħdan pajjiżi li huma parti minnha, li r-Russja mhijiex.

Madankollu, il-mandat jista’ jaffettwahom b’modi oħra, partikolarment li ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks