Ritratt li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar sigħat huwa ritratt kommoventi li juri żewġ ommijiet li għaddejjin minn tbatija u wġigħ indiskivibbli.
Żewġ ommijiet li kellhom jiffaċċjaw l-agħar ħaġa li omm qatt tista’ tesperjenza, it-telfa ta’ wliedhom. It-tnejn li huma qed jistennew li sseħħ ġustizzja.
Ir-ritratt juri lil omm Pelin Kaya u lil omm Jean Paul Sofia jitgħannqu. Tgħanniqa li tgħid ħafna aktar minn kull kelma li tista’ titlissen.
F’kitba li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu flimkien mar-ritratt, is-sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché rrefera għat-tnejn bħala “ommijiet imkissra li qed jistennew ġustizzja wara t-telfa kiefra tat-tfal tagħhom.”
Madankollu, huwa żied jgħid li l-ġustizzja mhix biżżejjed għal dawn l-ommijiet. “L-istat irid jara x’wassal għal dawn l-inċidenti u jaħdem biex tali inċidenti ma jerġgħux iseħħu, biex it-tfal taghhom ma jkunux mietu għalxejn,” saħaq Conrad Borg Manché.
