Mat-triq infaqgħet tibki kemm-il darba. Ma setgħetx temmen li din il-ġurnata kienet waslet. U biex tgħaxxaq fuq l-istazzjonijiet kollha tar-radju, ħlief diski tal-imħabba u tad-dwejjaq ma bdietx issib! Telgħetilha fawra għal rasha u qabdet tfietu. Aħjar fis-silenzju. Aħjar tiffoka fuq it-triq. Għajnejha kienu qegħdin idemmgħu u bilkemm setgħet tara ssuq. Almenu fuq wiċċha kienet qegħda tħoss ir-riħ ivenven mit-tieqa li kien qed iwennisha. Damet issuq sagħtejn sħaħ. Kienet ħarġet mill-istat fejn kienet toqgħod u waslet fi stat ieħor. Il-post eżatt fejn ftehmu li jiltaqgħu kien l-istess wieħed fejn kienu ltaqgħu sentejn ilu.
Hekk kif waslet fil-parkeġġ kbir, nofsu vojt tar-ristorant, bdiet iddawwar rasha ‘l hemm u ‘l hawn ħalli tara fejn ser tipparkja. Qalbha għamlet tikk. Inħasdet. Ħadet brejk. Għarfitha. Għafset idejha mal-istering u pparkjat ħdejha. Bdiet tħoss in-nifs kważi jinqatgħalha.
Ħarġet minn ġol-karozza u fliet il-karozza ta’ maġenbha. Għamlet idha fuqha u bdiet tħossha konfuża.
Sentejn. Kienet ilha ma taraha sentejn sħaħ.
Il-karozza li kienet qiegħda tara ma kinitx lussuża bħal dik li kienet ġiet fiha. Għalkemm kienet għadha fl-istess kundizzjoni li kienet ħallietha sentejn ilu, xorta kienet karozza xi ftit imdamdma u b’xi sadid ‘l hemm u ‘l hawn.
Ħadet nifs twil, irranġat il-libsa eleganti li kienet fiha u l-aċċessorji pariġġ li kienet drat tilbes dan l-aħħar u erħitilha lejn il-ħanut.
Malli daħlet ġewwa, ir-riħa ta’ kafè imħawwar ma’ bajd moqli, fawwritilha l-pulmun. Iżda ma kellhiex aptit tiekol. Ma kellha moħħ xejn. Kull ma xtaqet tagħmel hu li tidħol fil-karozza li kienet għadha kemm ġiet biha u titlaq ‘l bogħod kemm jista’ jkun.
“Jenny!” semgħet leħen femminili jgħajjtilha.
Jenny daret tħares.
Ratha.
Qalbha waqfet tħabbat għal ftit sekondi.
“Carrie…” bdiet tgħid hekk kif oħtha ġiet tiġri lejha u bdiet tgħannaqha kemm tiflaħ.
Carrie kienet liebsa qalziet issikkat, top każwali u kellha nuċċali tax-xemx. Jenny kienet għadha qatt ma rathom qabel.
Ftit ħin wara kienu bilqegħda quddiem xulxin donnu ma kien hemm xejn insolitu bejniethom. Carrie kienet neżgħet in-nuċċali tax-xemx u għalkemm l-arja ta’ bejniethom kienet xi ftit tqila, iż-żewġt aħwa kienu qegħdin jitbissmu lil xulxin.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks