Wara l-vidjow mużikali u l-kollezzjoni tal-ġojjellerija li tnedew matul il-ġimgħa li għaddiet, aktar kmieni llum, Claudia Faniello nediet it-tielet u l-aħħar parti tal-proġett Ġmielek. Dokumentarju li jkompli jibni fuq il-messaġġ qawwi tal-kanzunetta Ġmielek.
Dan id-dokumentarju jagħti ċans lil għadd ta’ persuni jitkellmu dwar l-esperjenza individwali tagħhom b’kundizzjoni jew b’diffikultà partikolari. Ifissru realtajiet li kultant ma jinftiehmux mill-bqija tal-pubbliku.
Fid-dokumentarju li jinkludi lil Claudia Faniello nnifisha, juru li l-personalità individwali tagħhom tmur lil hinn mill-kundizzjoni jew id-diffikultà tagħhom.
Dan huwa preċiżament il-messaġġ importanti li twassal il-kanzunetta li misset daqstant qlub u realtajiet. Il-proġett Ġmielek kien intiż biex ikompli jibni fuq il-ġid li għamlet il-kanzunetta. Fil-fatt filwaqt li nżamm l-użu tal-lingwa tas-sinjali, kemm il-kollezzjoni tal-ġojjellerija kif ukoll id-dokumentarju komplew jixħtu dawl fuq realtajiet differenti li jgħixu nies differenti fostna.
Claudia Faniello ddeskriviet id-dokumentarju bħala għeluq speċjali tal-Proġett Ġmielek għax tassew irnexxielu jitfa’ dawl fuq ġrajjiet u esperjenzi reali li jeżistu madwarna.
Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-effett li ħallew it-tliet partijiet tal-Proġett Ġmielek li flimkien itambru l-messaġġ li l-arti għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd.
