Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, bagħtet ittra lill-membri Parlamentari Maltin u ħeġġithom biex jappoġġjaw it-talba tagħha u l-familja tagħha għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ binha.

Fl-ittra, Isabelle talbet lid-deputati biex jivvutaw skont il-kuxjenza meta titressaq u tiġi diskussa l-mozzjoni dwar it-talba ta’ Inkjesta Pubblika.

Din hija l-ittra sħiħa:

Għeżież Membri Parlamentari eletti mill-poplu Malti

Insellmilkom.

Jien Isabelle, omm Jean Paul, il-ġuvni ta’ għoxrin sena li spićca mirdum taħt it-tifrik fil-binja li waqgħet bħal mazz karti fTa’ Kordin. Qiegħda nikteb din l-ittra biex ngħaddilkom dan il-messaġġ ģenwin minn qalb ta’ omm muġugħa li tixtieq ģustizzja għal binha, kif ukoll riforma u infurzar ta’ liġijiet li diġà hemm jew li hemm bżonn jidħlu fis-seħħ fis-settur tas-settur tal-kostruzzjoni. Jien irrid li įkunu evitati kemm jista’ jkun imwiet u tbatija ħalli l-ebda ġenitur ma jgħaddi minn dan id-dulur etern.

L-għażiż tagħna kellu futur quddiemu, kien iħobb il-ħajja, kien iħobb lilna, lill-ħbieb, lill-annimali u tant kien qalbu tajba li darba tgħidx kemm feraħ li rnexxielu jsalva purdien. Dan kien ibni, tifel mimli saħħa u mħabba.

It-3 ta’ Diċembru huwa jum iswed għalina li konna nħobbuh, iswed mhux għax tlifna I-uniku tifel tagħna biss imma wkoll għax esperjenzajna l-uġigħ u d-dwejjaq tal-fatt li ibni kien innoċenti f’dan kollu u li n-negliġenza u t-traskuraġni ta’ ħaddieħor, ir-regħba għall-flus, flimkien ma’ sistema mnawra ta’ infurzar dgħajjef ħasditlu ħajtu fl-aqwa tagħha.

Jien issa bħala omm Jean Paul nixtieq INKJESTA PUBBLIKA fuq din it-traģedja. Il-polz tal-poplu jidher li jridha wkoll. Min se jismagħni u jismagħhom, jekk mhux intom? F’pajjiż demokratiku l-Parlament jiġi elett biex jisma’ u jservi l-poplu u l-vot tagħkom fil-Parlament għandu jkun arma li tiddefendi s-sewwa.

Se ċċaħdu lill-poplu Malti mill-ģustizzja? Se ċċaħdu li kull ġenitur ikollu moħħu mistrieħ waqt li uliedna jmorru fuq il-post tax-xogħol?

Jien ma nistax nieqaf b’Inkjesta Maģisterjali biss, il-passat wera dan. Irrid li jkun hemm investigazzjoni iktar intensiva u li tidħol bir-reqqa u d-dettal fejn ma tidħolx l-Inkjesta Maģisterjali.

Bħal ma tafu inkjesta pubblika tagħti r-rakommandazzjonijiet fuq in-nuqqasijiet li hemm fis- sistema. Dawn joħorġu biss minn Inkjesta Pubblika, hekk biss nistgħu jkollna riforma li tagħti l-frott fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. Hekk biss nistghu nevitaw iktar imwiet u tbatija. Hekk biss jista’ jkollna ģustizzja u trasparenza biex kull id imċappsa bid-demm ta’ ibni u kull min m’għamilx xogħlu jħallas kif jixraq.

Inkjesta tal-maģistrat twassal biss ghal ģustizzja kriminali u dan jekk issib li kien hemm reat. Hija biss inkjesta pubblika li tista’ twassal għal ģustizzja amministrattiva u twassal għal riforma sabiex dawk il-proċessi li huma ħżiena jew dgħajfa jissaħħu b’rispett lejn il-ħajja u s-sigurtà tan-nies.

Jien qed inħallas piena għal għomri, bl-unika nuqqas f’ħajti hu li ħabbejt u nibqa’ nħobb lil ibni bla tarf. Jien ċerta li ħafna minnkom se tippruvaw tifhmuni, kemm jekk tafu tħobbu u speċjalment jekk intom ġenituri. Għalhekk qed nitlobkom f’gieħ is-sewwa u l-ġustizzja biex tivvutaw skont il-kuxjenza meta titressaq u tiģi diskussa l-mozzjoni dwar it-talba ta’ Inkjesta Pubblika.

Il-poplu jixtieq riforma li taħdem mhux kliem fieragħ, irid ġustizzja, irid trasparenza, irid kontabilità, irid is-sewwa. Possibbli m’aħniex se nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat fejn ma saritx Inkjesta Pubblika u reģa’ kien hemm l-imwiet fosthom ta’ ibni? Intom ghandkom id-dmir tħossu I-polz tal-poplu u turu bil-provi li verament tridu I-ģid tal-pajjiż u ta’ uliedna

Għandkom I-ghażla u l-obbligu li ma tħallux li ibni (u oħrajn) jkunu mietu għalxejn.

Ibni kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju għax binja mibnija b’dawk in-nuqqasijiet kollha, setgħet twassal għal traġedja ħafna ikbar milli ġara.

Għandkom I-għażla li lilna l-ģenituri tagħtuna ftit nifs jekk inkunu nafu li qed isir dak kollu possibbli biex ma jmutux iktar ulied.

Għandkom l-ghażla li tassew issaħħu l-fiduċja tal-familji Maltin u turu illi veru tridu pajjiż ktar b’saħħtu u sigur.

Din mhix kwistjoni ta’ kuluri għax nista’ nassigurakom li meta tagħmel ħmistax-il siegħa tistenna biex joħorġu lil ibnek jew lil ommok minn taħt it-tifrik l-ebda kulur ma jifdal hlief iswed.

Possibbli lesti tieħdu riskju fuq iben jew omm oħra?

Jien lesta niltaqa’ ma’ min jixtieq jiddiskuti miegħi. F’idejkom issa! F’idejn kull wieħed u waħda minnkom. Jean Paul huwa ċittadini Malti u t-tifel tagħkom ukoll. Tinsewx!

Isabelle Bonnici, omm il-maħbub u qatt minsi Jean Paul Sofia.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks