Fit-28 ta’ Marzu 2023, il-Professur Vladimir Martinovski mill-Università ta’ Skopje, se jkun qed jagħti taħdita pubblika dwar “Il-Poeżija fi Djalogu mal-Mużika”.

Il-Professur Martinovski se jkun Malta bħala mistieden akkademiku tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Huwa jgħallem il-letteratura komparattiva u membru tal-bordijiet ta’ diversi entitajiet kulturali, fosthom in-Network Ewropew għall-Istudji Letterarji Komparattivi. Ix-xogħol akkademiku ta’ Martinovski jikkonċentra fuq it-tlaqqigħ tal-letteratura u l-mużika u l-arti viżiva.

Minbarra li hu meqjus bħala figura prominenti għall-istudji tiegħu, Martinovski jitqies bħala wieħed mill-poeti ewlenin tal-Maċedonja ta’ Fuq, u hu r-rebbieħ ta’ diversi premji letterarji f’pajjiżu u barra.

It-taħdita, li se tkun bl-Ingliż, se tingħata fil-Lecture Theatre 1, Lecture Centre tal-Università. Din it-taħdita għandha tinteressa mill-qrib lill-mużiċisti u l-istudenti tal-mużika kif ukoll kittieba u studenti tal-letteratura. Madankollu, id-Dipartiment tal-Malti qiegħed kordjalment jistieden lill-pubbliku interessat għal din l-attività li tibda fis-7pm.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks